Futbol Sport

Napoli jerġgħu waħedhom fil-quċċata tas-Serie A

Il-plejers ta' Napoli jiċċelebraw wara t-tieni gowl (Ritratt: EPA)

Napoli jerġgħu jinsabu fil-quċċata tas-Serie A wara li għelbu lil Sassuolo 3-1 fi Stadio San Paolo. Lazio wkoll komplew jirbħu b’rebħa ta’ 5-1 fuq Benevento biex b’dan ir-rendiment jinsabu b’ritmu aħjar minn meta rebħu l-kampjonat l-aħħar darba. B’hekk it-timijiet ta’ fuq rebħu kollha din il-ġimgħa, b’Inter jilagħbu llum kontra Verona.

Fil-konfronti tan-naħa ta’ isfel, Spal kisbu rebħa importanti kontra Genoa, filwaqt li Crotone u Udinese kisbu rebħiet kontra timijiet aktar kwotati.

Lazio komplew għaddejjin bir-ritmu pożittiv, b’rebħa kbira ta’ 5-1 kontra Benevento. BASTOS fetaħ l-iskor wara erba’ minuti meta kompla għal ġewwa mill-viċin. CIRO IMMOBILE rdoppja l-iskor fit-13-il minuta b’gowl tipiku tiegħu, biex ADAM MARUSIC għamilhom tlieta fl-24 minuta b’gowl mill-viċin. ACHRAF LAZAAR naqqas id-distakk fil-55 minuta b’xutt b’saħħtu fil-baxx. MARCO PAROLO għamilhom 4-1 fl-aħħar kwarta, biex NANI għamel l-iskor finali 5-1 b’xutt minn qagħda ideali.

CROTONE – Crotone ħasdu lil Fiorentina bit-tieni rebħa f’darhom dan l-istaġun. ANTE BUDIMIR fetaħ l-iskor fis-17-il minuta, b’MARCELLO TROTTA jirdoppja minuta wara. MARCO BENASSI naqqas id-distakk minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima iżda ma rnexxielhomx isalvaw ir-riżultat.

SPAL – Spal kisbu rebħa prezzjuża f’konfront kontra Genoa, bil-pressjoni fuq il-kowċ Ivan Juric tkompli tiżdied. Il-gowl deċiżiv wasal fis-56 minuta permezz ta’ MIRKO ANTENUCCI.

NAPLI – Napoli reġgħu jinsabu waħedhom fil-quċċata tas-Serie A wara li għelbu lil Sassuolo 3-1. Kien ALLAN li fetaħ l-iskor wara li ħa vantaġġ minn żball ta’ Sensi u għeleb lil Consigli. Sassuolo ġabu d-draw fil-41 minuta b’daqqa ta’ ras brillanti ta’ DIEGO FALCINELLI. Iżda tliet minuti wara, Napoli reġgħu marru minn fuq meta Consigli naqas li jbiegħed il-periklu minn korner ta’ JOSÈ CALLEJON. DRIES MERTENS għamilhom 3-1 fit-53 minuta meta kompla għal ġewwa minn daqqa ta’ ras ta’ Raul Albiol.

GENOVA – Sampdoria jibqgħu jimpressjonaw b’rebħa ta’ 4-1 fuq Chievo biex saħħew is-sitt post. KAROL LINETTY fetaħ l-iskor għal Sampdoria fl-20 minuta, iżda FABRIZIO CACCIATORE ġab id-draw erba’ minuti wara. LUCAS TORREIRA reġa’ poġġa lil Sampdoria minn fuq fis-26 minuta, b’DUVAN ZAPATA jagħmilhom 3-1 qabel tmiem l-ewwel taqsima. LUCAS TORRIERA skorja t-tieni gowl personali ħames minuti mit-tmiem.

UDINE – Udinese dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Atalanta 2-1. Kienu l-Bergamasci li fetħu l-iskor fis-29 minuta permezz ta’ JASMIN KURTIC. RODRIGO DE PAUL ġab id-draw fil-45 minuta minn penalty, u ANTONIN BARAK skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fit-68 minuta.

TURIN – Torino kisbu rebħa importanti meta għelbu f’darhom lil Cagliari 2-1, biex naqset ftit il-pressjoni minn fuq il-kowċ Sinisa Mihajlovic. NICOLO BARELLA poġġa lil Cagliari minn fuq man-nofs siegħa logħob, iżda għaxar minuti wara IAGO FALQUE ġab id-draw. JOEL OBI skorja l-gowl tar-rebħa fis-66 minuta.

Riżultati

Benevento v Lazio       1-5

Crotone v Fiorentina  2-1

Spal v Genoa                1-0

Napoli v Sassuolo        3-1

Sampdoria v Chievo    4-1

Udinese v Atalanta      2-1

Torino v Cagliari          2-1