Internazzjonali

Is-Somalja: Mogadishu taħt kontroll wara l-aħħar terrur

 

Il-qawwiet tas-sigurtà fil-kapitali Somala, Mogadishu, ħadu lura l-kontroll fl-inħawi wara li temmew assedju ta’ 15 il-siegħa minn militanti armati fuq lukanda.

Dawn il-militanti kienu daħlu fil-lukanda  is-Sibt filgħaxija wara li splodew żewġ bombi kbar f’Mogadishu. S’issa hu kkonfermat li fl-istraġi mietu talanqas 20 persuna u kien mistenni li l-qawwiet tas-sigurtà jirkupraw aktar katavri fost tfittxija intensiva qalb il-lukanda.

Il-moviment militanti Iżlamiku Al-Shabab, sadanittant, assuma responsabbiltà għall-isplużjonijiet qattiela.

L-assedju beda meta terrorista saq karozza-bomba direttament għal ġol-lukanda, bl-isplużjoni tal-bomba sussegwenti sseħħ viċin il-sit preċedenti għall-Parlament Somalu fil-kapitali.

Aktar ma bdew jidħlu dettalji sar magħruf li l-vittmi kienu jinkludu diversi pulizija li kienu stazzjonati qrib l-aċċess għal-lukanda, bl-isem Nasa Hablod Two, li hi frekwentata minn politiċi u uffiċjali tas-sigurtà.

Fil-fatt, kelliema għall-Al-Shabab qalu li l-preżenza kontinwa tal-politiċi u uffiċjali oħra f’dan il-kumpless kienet ‘proprju r-raġuni’ għalfejn il-lukanda spiċċat fil-mira tagħhom.

Ir-rapporti qalu li ħafna oħrajn sfaw midruba fl-attakki, u li, matul il-lejl tas-Sibt u kmieni l-Ħadd, kompla l-isparar ġewwa l-lukanda kif ukoll fil-madwar.