Formula 1 Sport

Verstappen jirbaħ il-Grand Prix tal-Messiku u Hamilton jirbaħ it-titlu mondjali

Lewis Hamilton jiċċelebra wara t-tiġrija (Ritratt: EPA)

Max Verstappen kiseb rebħa impressjonanti fil-Grand Prix tal-Messiku mimlija azzjoni u imprevedibbli, hekk kif Lewis Hamilton spiċċa seraq ix-xena wara li aċċerta mir-rebħ tar-raba’ kampjonat tad-dinja minkejja li spiċċa fid-disa’ post.

Is-sewwieq tar-Red Bull beda fl-ewwel filliera wara Sebastian Vettel, iżda rnexxielu jikseb l-ewwel post fl-ewwel kantuniera, bil-Ferrari tolqot minn wara l-karozza ta’ Hamilton, biż-żewġ sewwieqa jispiċċaw fl-aħħar żewġ postijiet minħabba li kellhom jagħmlu waqfa fil-pits, Vettel minħabba l-imnieħer tal-karozza, filwaqt li Hamilton kellu puncture.

Hamilton seta’ biss jikseb żewġ punti mill-20 post li kompla t-tiġrija, iżda l-pressjoni dejjem kienet fuq Vettel, li ried inaqqas is-66 punt distakk qabel it-tiġrija li jmiss, u minkejja li spiċċa r-raba’ ma kienx biżżejjed biex iwaqqaf lil Hamilton milli jsir matematikament champion għar-raba’ darba.

Iżda filwaqt li Hamilton daħal fl-istorja tas-sewwieqa Britanniċi minħabba li sar l-aktar sewwieq Britanniku li rebaħ il-kampjonat, Verstappen kien ċertament l-istilla tal-Grand Prix tal-Messiku, bi prestazzjoni oħra brillanti li tagħti ħjiel li fil-futur jista’ jsir rebbieħ.

Din kienet it-tieni rebħa tal-Olandiż din is-sena, f’tiġrija li baqa’ fuq quddiem mill-ewwel kantuniera sat-tmiem, fejn żied il-vantaġġ malajr u b’mod komdu fuq Valtteri Bottas biex eventwalment rebaħ b’distakk ta’ aktar minn 20 sekonda. Kimi Raikkonen kiseb l-aħħar post fuq il-pdju iżda spiċċa aktar minn nofs minuta wara s-sewwieq tar-Red Bull.

Verstappen saħansitra rnexxielu jgħaddi lil Hamilton b’dawra, bit-tim tiegħu jindikawlu biex inaqqas ftit il-veloċità. “Il-bidu kien kruċjali. Jien mort fuq in-naħa ta’ barra u ħadmet tajjeb. Wara l-ġimgħa l-oħra, din hi t-tiġrija perfetta,” qal Verstappen li hu l-aktar sewwieq li kiseb punti fl-aħħar erba’ tiġrijiet.

Vettel u Hamilton ma kinux għamlu kuntatt f’ċirkwit mit-tiġrija kontroversjali tal-Ażerbajġan f’Ġunju. Is-sewwieq tal-Ferrari deher li ddefenda tajjeb il-movimenti ta’ Verstappen u Hamilton meta kellu bidu diċenti, iżda tilef iż-żewġ postijiet hekk kif ħareġ mit-tieni kantuniera.

Kien f’dak il-mument li Vettel deher jolqot it-tyre tal-lemin ta’ Hamilton, bis-sewwieq tal-Mercedes jispiċċa fl-aħħar post. Iżda Vettel dam aktar milli mistenni fil-pits u ħareġ biss żewġ postijiet qabel ir-rivali. Hu ried li jikseb 16-il punt aktar minn Hamilton biex jibqa’ jittama, xi ħaġa li dejjem dehret kważi impossibbli.

Il-Ġermaniż baqa’ jissielet tant li rkupra 14-il post b’uħud mill-movimenti jkunu brillanti. Hamilton ukoll qabeż xi karozzi b’mod stupend, bl-aħjar mossa tkun dik li biha qabeż lil Fernando Alonso.

Minkejja li Verstappen akkwista t-tielet rebħa tar-Red Bull dan l-istaġun, ma kienx kollox pożittiv għal dan it-tim. Ricciardo kien beda mis-17-il post u wara l-inċidenti fl-ewwel dawra rnexxielu jitla’ sas-seba’ post, iżda l-magna tiegħu damet biss sitt dawriet, u kawża ta’ dan irtira darbtejn konsekuttivi għall-ewwel darba mar-Red Bull.

Nicol Hulkenberg kellu wkoll problema biex irtira għat-tielet tiġrija konsekuttiva, filwaqt li t-tieni tiġrija ta’ Brendon Hartley ntemmet bi problema oħra fil-magna. Carlos Sainz ukoll tar-Renault kellu jirtira b’għaxar dawriet mit-tmiem.

It-tiġrija li jmiss issir fil-Brażil ġimagħtejn oħra.