Futbol Sport

Balzan ikomplu l-mument pożittiv

Davide Mansi jimblokka l-azzjoni ta' Paul Fenech (Ritratt: Matthew Tabone)

Rapport: Keane Cutajar

MOSTA…………0

BALZAN……….5

Mosta: A. Vella, R. Ekani, T. Farrugia, D. Mansi, T. Veronese, D. Fenech, K. Magro, D. Xuereb, D. Ifeanyi, E. Bilbao Zarate, Leozinho

Balzan: I. Janjusevic, J. Grioli (J. Borg 74’), E. Serrano Valero, B. Giglio de Oliveira, S. Arab (G. Camilleri 82’), U. Ljubomirac, R. Fenech, P. Fenech, C. Eduardo (M. Lepovic 63’), A. Effiong, B. Kaljevic

Imwissija: K. Magro 27’, D. Mansi 40’ (M) S. Arab 45’ (B)

Tkeċċa: D. Mansi 88’ (B)

Skurjaw: B. Kaljevic 14’, E. Serrano 67’, 80’, A. Effiong 73’, 88’ (B)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Thomas Debono

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Bojan Kaljevic (Balzan)

Balzan komplew il-mument pożittiv tagħhom meta għelbu lil Mosta 5-0, distakk li mmatura fit-tieni nofs tat-tieni taqsima. Għalihom din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva u t-tmien riżultat pożittiv biex b’hekk reġgħu jinsabu waħedhom fit-tielet post.

Rebħa meritata għat-tim ta’ Micovic hekk kif kienu t-tim li ddetta l-logħob u kienu perikolużi f’diversi azzjonijiet. Għal Mosta din kienet it-tieni darba dan l-istaġun li sofrew ħames gowls, u b’dan ir-riżultat baqgħu fid-disa’ post b’għaxar punti.

Iż-żewġ settijiet ta’ plejers ħarġu b’żewġ tibdiliet kull wieħed mill-aħħar partita. Mosta kienu għadhom ġejjin minn draw drammatiku kontra Floriana filwaqt li Balzan kienu rebħu lil Gżira United b’mod simili ukoll.

It-tim ta’ Marco Micovic ħareġ fuq l-offensiva sa mill-ewwel minuti u kien biss lejn l-aħħar tat-tieni taqsima li Mosta kibru xi ftit fil-kuraġġ u qasmu l-logħob ma’ Balzan.

L-ewwel azzjoni waslet minn naħa ta’ Balzan wara ħames minuti, meta Carlos Eduardo De Fiori Mendes għadda tajjeb lejn Ryan Fenech li minn barra l-kaxxa ittanta xortih iżda falla l-mira.

Ir-risposta ta’ Mosta waslet wara 12-il minuta logħob meta Dexter Xuereb avvanza tajjeb iżda minn pożizzjoni angolata ra t-tentattiv tiegħu jiġi salva b’faċilità minn Janjusevic.

Kien żewġ minuti biss wara li Balzan marru fil-vantaġġ. Kien Effiong li krossja tajjeb lejn is-solitu Bojan KALJEVIC li tefa’ wara Andreas Vella. Ftit minuti wara, korner ta’ Ryan Fenech ma qarraqx b’ Vella hekk kif dan tal-aħħar dawwar il-ballun minn fuq il-mimduda f’korner ieħor.

Hekk kif qabżu n-nofs siegħa logħob, Alfred Effiong sab ruħu f’pożizzjoni tajba mal-limiti tal-kaxxa ż-żgħira iżda kellu biss jara l-ballun tiegħu jgħaddi barra.

Mosta resqu viċin id-draw fil-65 minuta meta Ferreira krossja mix-xellug lejn Zarate, b’dan tal-aħħar jagħmel l-impossibbli u jitfa’ bir-ras barra mill-kaxxa ż-żgħira.

Balzan marru tnejn minn fuq fis-67 minuta. Kien Ryan Fenech li ra l-freekick tiegħu imdawwar f’korner mill-gowlkiper Mosti biex mill-istess korner, l-istess Fenech krossja lejn Elkin SERRANO VALERO li għola fuq kulħadd qabel spara bir-ras fix-xibka.

Alfred EFFIONG għamilhom tlieta ħames minuti wara meta rċieva passaġġ tajjeb ta’ Kaljevic qabel għamel spazju għalih innifsu u bi ġmiel ta’ xutt tefa’ fir-rokna.

Balzan meritatament marru erba’ minn fuq meta kien fadal għaxar minuti logħob. Korner ta’ Ryan Fenech ġie għand Effiong li kompla lejn SERRANO VALERO li f’lasta vojta skurja t-tieni gowl personali tiegħu.

Alfred EFFIONG għalaq il-partita bil-ħames gowl sitt minuti wara meta bir-ras għeleb lil Andreas Vella.