Internazzjonali

Eks ajjutant ta’ Trump akkużat bi frodi

Paul Manafort

Paul Manafort, li kien il-manager tal-kampanja Presidenzjali ta’ Donald Trump, kien akkużat bi frodi b’rabta ma’ xogħol li kien għamel fl-Ukrajna.
B’kollox tressqu 12-il akkuża kontra Manafort u Rick Gates, sħab ta’ Manafort fin-negozju, li jinkludu konfoffa għall-ħasil tal-flus.
Manafort, nhar it-Tnejn mar f’uffiċċju tal-FBI akkumpanjat minn avukat b’rabta mal-akkużi mressqin kontrih.
Dawn l-akkużi huma l-ewwel li feġġew mill-inkjesta f’allegat indħil Russu fl-elezzjoni Presidenzjali tal-2016. Biss dawn m’għandhom ebda rabta mal-kampanja ta’ Trump, imma man-negozju li għamlu Manafort u Gates fl-Ukranja sal-2015.
L-akkużi ġejjin minn rabtiet li t-tnejn kellhom ma’ xi politiċi Ukreni qrib Moska bejn l-2006 u l-2015. Fost dawn hemm Viktor Yanukovych, li bejn l-2010 u l-2014 kien il-President tal-Ukrajna sakemm tneħħa mill-poter fost protesti kbar.