“Li ma kienx għal Drew, ma kontx nibqa’ ħajja sal-aħħar tas-sena”. Qalet dan Christine Grixti meta rrakkuntat l-istorja tagħha, u kif grazzi għal trapjant tal-qalb, għadha tgħix sal-lum.
Christine Grixti għandha 44 sena, u meta kellha 18-il sena waqfitilha qalbha għall-ewwel darba. Erba’ snin ilu qalulha li kellha bżonn trapjant, u s-sena li għaddiet, irċeviet telefonata fejn qalulha li aktarx sabulha qalb.
“L-ewwel ħaġa li għaddiet minn moħħi kien ferħ, għax għidt li kien wasal iż-żmien li jgħaddi dan il-perjodu ikrah. Imma fl-istess ħin, biża’ qawwija għax kont naf li qed tfalli qalbi. Kont wasalt f’sitwazzjoni vera gravi fejn ma kellix ħajja sal-aħħar tal-2016 bir-rata li kont għaddejja,” qaltilna Christine.
Christine tirrakkonta l-mument meta rċeviet it-telefonata mill-isptar, u tgħidilna li l-emozzjoni kienet tant qawwija li kien se jkollha problema b’qalbha.
“Ċempluli u staqsewni jekk kontx bilqegħda. Għidtilhom li kont mimduda għax minħabba l-mediċina kont ngħejja ħafna. Staqsewni jekk stajtx immur l-isptar għax aktarx kienu sabuli qalb. U tistgħu timmaġinaw… dak il-ħin qalbi ma setgħetx tlaħħaq mal-emozzjoni u bdejt nitlob lil Ġesù biex jgħini nasal sal-isptar,” irrakkuntat Christine.
Il-qalb li ġġorr Christine hija ta’ Andrew, żagħżugħ miet fl-età ta’ 20 sena. U Christine, m’għandha xejn ħlief kliem ta’ imħabba għal Drew u l-familja tiegħu.
“Drew parti minni u inħobbu mmens,” qaltilna Christine, waqt li spjegat kif lil Drew tkellmu kuljum. “Ngħidlu “int mintix mejjet. Ġismek veru mejjet, imma qalbek qegħda hawn,” temmet tgħid, waqt li rringrazzjat lill-familja ta’ Drew li kienu aċċettaw mill-ewwel li tagħti l-organi tiegħu.
NET News tkellem ma’ Christine fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġew preżentati mitt formola ta’ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta li aċċettaw li wara mewthom jagħtu l-organi tagħhom. Dawn jiżidedu ma’ 10,000 persuna oħra f’Malta li wkoll aċċettaw li jagħtu l-organi tagħhom.
B’kollox bħalissa f’pajjiżna hawn mal-110 persuna li qed jistennew trapjant.
//= $special ?>