Lokali

FILMAT: Michael Farrugia skomdu quddiem mistoqsijiet dwar il-Kummissarju tal-Pulizija

Il-Ministru responsabbli mill-Korp tal-Pulizija, Michael Farrugia, kien skomdu quddiem mistoqsijiet dwar il-futur tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Ġurnata wara t-tieni Dimostrazzjoni Nazzjonali li fiha eluf ta’ persuni talbu għar-riżenja tal-Kummissarju, Michael Farrugia ma riedx jgħid lil NET News jekk għandux fiduċja fil-Kummissarju, u minflok weġibna fuq xi ħaġa differenti.

“Il-pressjoni fuq il-Kummissarju hija biex ikompli jassisti lill-Maġistrat inkwirenti fl-investigazzjoni dwar il-qtil makabru ta’ Daphne Caruana Galizia” wieġeb Michael Farrugia meta mistoqsi jekk hux se jkun hemm pressjoni biex il-Kummissarju jirriżenja. “Il-Kummissarju dak huwa xogħlu, dak li se jkun qiegħed ikompli jagħnmel”, żied jgħid meta mistoqsi jekk hu għandux fiduċja fih.

In-nuqqas ta’ Michael Farrugia biex jgħid jekk għandux fiduċja jew le f’Lawrence Cutajar, jikkuntrasta bil-kbir mal-pożizzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat, fejn f’kummenti ma’ The Times kien qal bla tlaqlieq li għandu fiduċja sħiħa fil-Kummissarju.

Sadanittant, fil-kummenti tiegħu ma’ NET News, il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia lanqas ried jgħid jekk tkellimx mal-Prim Ministru dwar il-futur tal-Kummissarju.

“L-affarijiet li nitkellem mal-Prim Ministru, dak huwa bejni u bejn il-Prim Ministru”, qal Michael Farrugia. “L-affarijiet li nitkellem mal-Prim Ministru ma naħsibx li huma xi ħaġa li mmur inxerred ma’ kullimkien x’diskussjonijiet nagħmel,” reġa’ qal meta insistejna għal tweġiba.

Lawrence Cutajar huwa l-ħames Kummissarju tal-Pulizija f’erba’ snin. Hu kien magħżul mill-Gvern wara li ta’ qablu, Michael Cassar, irriżenja ftit wara li għadda rapport mill-FIAU dwar ħasil ta’ flus minn persuni qrib il-Prim Ministru.