Meta fetaħ id-dibattitu dwar it-tisħiħ tal-Istituzzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia ressaq mill-ġdid il-proposti tal-Oppożizzjoni u tas-soċjeta’ ċivili fid-dawl tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ġimgħatejn ilu.
Minbarra il-miżuri immedjati, Adrian Delia sejjaħ ukoll għal tibdil fil-liġijiet li jista’ jsir fi żmien sitt xhur. Fosthom, tibdil fil-ħatriet tal-ġudikatura bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello, li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jissaħħaħ, iktar poteri għall-FIAU, liġi biex jinħatar Maġistrat inkwerenti bil-poteri li jistħarreġ każi ta’ korruzzjoni u jiġu ndirizzati l-prattiċi korrotti fil-ħatriet bla rażan mal-Gvern f’positions of trust.
Fl-aħħarnett, il-Kap tal-Oppożizzjoni sejjaħ biex fix-xhur li ġejjin, jibda l-proċess ta’ tibdil istituzzjonali u Kostituzzjonali, bit-twaqqif ta’ kumitat parlamentari u l-konvenzjoni Kostituzzjonali. Dawn il-proċessi għandhom jintemmu sa mhux iktar tard mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali biex f’każ ta’ referendum, dan jittieħed ma’ dawn l-elezzjonijiet f’Ġunju tal-2019.
Kompla li din is-sena kellha tkun is-sena ta’ Malta, b’għajnejn l-Ewropa u d-Dinja fuqna bil-Presidenza tal-UE, minflok għajnejn id-dinja huma fuqna għal raġunijiet oħra.
Adrian Delia qal li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia hu konsegwenza ta’ dak li ġara fl-aħħar snin. Dan ma kienx avveniment waħdu li seħħ b’kumbinazzjoni.
Hu qal li dan il-qtil wasal għaliex l-istituzzjonijiet tant iddgħajjfu li xi ħadd ħass li kien b’saħħtu biżżejjed biex iwettaq dan l-att b’impunita’.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li f’Malta, issa għandna l-kultura ta’ xejn m’hu xejn. Dan b’diversi każi fejn sar tnawwir tal-ġustizzja, b’ebda azzjoni ma’ tittieħed kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi u lanqas kontra Jimmy Magro.
Issa għax hemm pressjoni u 11-il xahar wara li feġġew l-allegazzjonijiet, il-Pulizija bdiet taġixxi u ressqet lill-eks canvasser tal-Ministru Evarist Bartolo fuq akkużi ta’ tixħim. Iżda agħar minn hekk, fil-każi tar-rapporti tal-FIAU, mhux talli ma sar xejn, talli l-ġurnalisti li kixfu n-nuqqas ta’ azzjoni kienu mhedda bi proċeduri kriminali.
Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tkun il-vuċi tas-sewwa.
Ara d-diskors kollu hawn; http://netnews.com.mt/2017/10/30/segwi-d-diskors-tal-kap-tal-oppozizzjoni-u-tal-pn-adrian-delia-fil-parlament/
//= $special ?>