Lokali Parlament

Il-Prim Ministru jibqa’ jiddefendi lill-Kummissarju tal-Pulizija u l-AĠ u ma jipproponi xejn ġdid quddiem il-kriżi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat llejla baqa’ jiddefendi lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali u ma ppropona l-ebda proposta ġdida quddiem fil-kriżi tal-pajjiż.

Fil-parlament llejla l-Prim Ministru qal li l-gvern ilu jwettaq riformi ħames snin u sostna li hu ma jafx għal x’hix inqatlet Daphne Caruana Galizia. Hu qal li għandu fiduċja fil-Maġistrat Inkwerenti u kompla li Daphne gidbet fil-konfront tiegħu u dakinhar ġara li l-Gvern mar għand in-nies u n-nies taw il-verdett fl-elezzjoni ġenerali li kkonferma lill-gvern. Hu qal li hu mar il-qorti biex issir investigazzjoni dwar dak li qalet Daphne fil-konfont tiegħu.

Il-Prim Ministru kompla li m’hemm l-ebda pajjiż li jappunta lill-Kummissarju tal-Puliizja u lill-Avukat Ġenerali b’żewġ terzi tal-Parlament. Hu qal li l-Avukat Ġenerali dejjem ħa d-deċiżjonijiet fil-libertà u bla indħil.
Dwar il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Prim Ministru qal li taħt dan il-Kummissarju, il-Pulizija għamlet suċċessi. Dan filwaqt li kulħadd għandu fiduċja fil-Maġistrat li qed imexxi l-investigazzjonijiet.

Il-Prim Ministru semma l-korruzzjoni u qal li fl-aħħar erba’ snin il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni hi iktar effettiva u bla indħil.

Hu qal li għandu jkun hemm diskussjoni dwar bidliet li qed tipproponi l-Oppożizzjoni u dwar il-programm li għandu l-Gvern. Il-Prim Ministru qal li hu favur li jsir referendum jekk ikun meħtieġ u jekk dan jintlaħaqx sal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew allura jkun hemm deċiżjoni fl-elezzjoni ġenerali. Joseph Muscat qal li r-riżenji ma jagħmlux sens għax m’hemmx bażi fuq xhix dawn isiru.