Lokali Parlament

Il-Prim Muscat m’għamel xejn quddiem il-korruzzjoni u l-iskandli…kisser l-istituzzjonijiet

– Beppe Fenech Adami, PN

Il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat m’għamel xejn quddiem il-korruzzjoni u l-iskandli waqt li kisser l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Fil-parlament Beppe Fenech Adami qal li din id-diskussjoni qed issir għax fil-pajjiż hawn kriżi politika li ilu ma jkun hawn bħalha 30 sena; sa mill-qtil politiku ta’ Raymond Caruana. Dak iż-żmien kien hemm ukoll diskussjoni fil-parlament u llum il-pajjiż jinsab fl-istess sitwazzjoni, bil-pajjiż ikun fi kirżi. Il-parlament għandu jingħaqad biex jitratta din ir-realtà. Din hi kriżi wara qtil politiku ta’ ġurnalista; kriżi ta’ kollass tal-istituzzzjonijiet.

Hu kompla li hawn kollass tas-saltna tad-dritt fil-pajjiż Dan il-qtil ma seħħx b’kumbinazzjoni. In-nuqqas ta’ fiduċja qed isseħħ wara li l-Gvern ta’ Muscat tellef il-fiduċja fl-istituzzjonijiet. Muscat qaċċat mill-ewwel lill-Kummissarju tal-Pulizija Rizzo li kellu l-fiduċja tal-parlament. Joseph Muscat qaċċat ukoll lill-Kap Kmandant tal-FAM biex poġġa lil sieħbu u kisser lil dik l-istituzzjoni.

Jospeh Muscat hu l-uniku Prim Ministru fl-Ewropa li fil-pajjiż li jmexxi hemm ministru u uffiċjal tal-gvern tiegħu li nqabdu b’kumpaniji fil-Panama, li jkun involut f’każ bħal tal-Cafe Premier, li jaħtar lill-mara ta’ Ministru bħala ambaxxatur u jtiha €13,000 fix-xahar u li jmur l-Ażerbajġan u jixtri ż-żejt waqt li l-pajjiż tilef il-miljuni.

Beppe Fenech Adami qal li imkien fid-dinja m’hemm rapport tal-FIAU li jsemmi kif ic-Chief of Staff tal-Prim Ministru xxaħħam u l-Prim Ministru baqa’ jżommu miegħu u imkien fid-dinja m’hemm politiċi li jindaħlu fl-operat tal-pulizija biex persuni arrestati ma jibqgħux arrestati.

Beppe Fenech Adami kompla li hu biss il-gvern ta’ Joseph Muscat li taħtu tingħata art b’xejn għal proġett tal-edukazzjoni, li jbigħ l-isptarijiet u l-kuntratti ma jinkxfux, li jibni power station li m’hemmx bżonnha, li jkollu kummissarju tal-pulizija li jagħmel konferenza tal-aħbarijiet tal-biki, u fejn il-media kollha tad-dinja kollha titkellem fuq Malta u fuq il-qtil tal-ġurnalista li kixfet il-korruzzjoni tal-Gvern.

Il-Viċi-Kap Nazzjonalista kompla li quddiem din is-sitwazzjoni l-PrimMinistru ħass li kellu jmur Dubaj ibigħ il-passaporti. Hu qal li din hi opportunità għaliex il-poplu qed jibki biex il-pajjiż imur lura għan-normalità li fiha ma jisplodux lill-ġurnalisti u li ma jkunx hemm sitt karozzi bomba u ma jinqabad ħadd. Hu appella biex xi deputat Laburista jagħmel kif kien għamel Mintoff fl-1986 biex il-pajjiż kien salvat mill-kriżi li kien jinsab fiha. Il-pajjiż llum jisab f’sitwazzjoni gravi u jekk mhux se jtttieħdu l-passi, is-sitwazzjoni se tmur għall-agħar.