Futbol Sport

Inter waħedhom fit-tieni post

Ivan Perisic jiċċelebra t-tieni gowl ta' Inter (Ritratt: EPA)

Inter jinsabu waħedhom fit-tieni post wara li fi Stadio Bentegodi għelbu l-isfida ta’ Verona 2-1 biex reġgħu jinsabu żewġ punti taħt il-leaders Napoli. Partita missielta b’Verona jibqgħu jittamaw li jsalvaw xi ħaġa mil-logħba sal-aħħar mummenti.

Inter marru fil-vantaġġ fis-36 minuta meta Antonio Candreva krossja mil-lemin fil-kaxxa lejn l-iżmarkat BORJA VALERO li minn quddiem Nicolas ma żbaljax. Verona ġabu d-draw fid-59 minuta meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Handanovic fuq Cerci, deċiżjoni li saret mir-referee Gavillucci permezz tal-VAR. Mill-11-il metru, is-sostitut GIAMPAOLO PAZZINI ma żbaljax.

Inter skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fis-67 minuta. Kien korner mix-xellug ta’ Candreva, Heurtaux klirja parzjament bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ IVAN PERISIC li b’xutt potenti minn pożizzjoni ċentrali ma ta l-ebda ċans lil Nicolas.