“L-ebda diżabilità ma tista’ toħnoq is-sesswalità tal-bniedem”. Kien dan il-qofol tal-messaġġ tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità Maria Deguara meta indirizzat konferenza dwar is-sesswalità u l-persuni b’diżabilità organizzata mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
Il-konferenza, bis-sehem ta’ diversi esperti fl-oqsma tas-saħħa sesswali u l-persuni b’diżabilità saret f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan u trattat is-sesswalità, ir-relazzjonijiet intima u d-diżabilità.
Fid-diskors tagħha, id-Deputat Maria Deguara qalet li s-soċjetà għandha tkun spalla soda għal kull persuna b’diżabilità. Qalet li ma nistgħux naċċettaw li persuni b’diżabilità huma iżjed vulnerabbli u għaldaqstant għandhom jiġu mhux biss protetti iżda mgħejjuna mis-soċjetà biex jilħqu l-milja tal-ħajja tagħhom.
Dwar il-kwistjoni tas-sesswalità u l-persuni b’diżabilità, Maria Deguara qalet li tul it-trobbija tagħhom, it-tfal għandhom jiġu mgħallma edukazzjoni sesswali u fejn ikun hemm bżonn jingħataw informazzjoni speċifika u attenzjoni individwali. Meta jasal iż-żmien opportun, għandu jiġi spjega lill-persuni b’diżabilità l-limitazzjonijiet meta dawn ikunu preżenti u kif dawn jistgħu jiġu mgħeluba.
Maria Deguara insistiet fuq l-importanza li sakemm ma jkunx hemm xi impediment, koppji b’diżabilità għandhom jingħataw l-għajnuna kollha possibbli biex ikunu jistgħu jgħixu kuntenti f’daqqa u fejn hu possibbli, jingħataw kull opportunità biex jibnu l-familja tagħhom ukoll.
“Huwa dmir tas-soċjetà li tagħmel mnn kollox biex nies b’diżabilità jgawdu d-drittijiet kollha bħal kull persuna oħra anke fejn tidħol is-sesswalità,” temmet tgħid id-Deputat Deguara.
Ma setax jonqos li waqt il-konferenza jitwieġbu l-mistoqsijiet tal-pubbliku mill-esperti li indirizzaw il-konferenza.
//= $special ?>

