Il-Gvern jibqa’ jiddefendi lill-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali u ma jaċċettax il-proposti tal-Oppożizzjoni għal soluzzjonijiet immedjati
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia llejla ppreżenta numru ta’ proposti konkreti lill-Gvern kemm fuq perjodu immedjat kif ukoll fuq perjodu iktar fit-tul biex b’mod konkret tibda tissolva l-kriżi politika li l-pajjiż jinsab fiha wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
F’diskors fil-parlament waqt id-diskussjoni dwar is-sitwazzjoni politika preżenti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li ġimgħa wara li saret talba mill-Oppożizzjoni għal diskussjoni, il-Gvern aċċetta din it-talba. Ġimgħa wara saru iżjed protesti fejn kien hemm anki grupp ta’ nisa li kkampanjaw barra Kastilja iżda l-Prim Ministru ma ndunax biex għax kien qed ibigħ il-passaporti Dubaj.
Din kellha tkun is-sena ta’ Malta minħabba l-Presidenza tal-UE, fejn il-pajjiż kellu l-opportunità li jkun l-aqwa.
Minflok din kienet is-sena tal-Pilatus Bank, tal-FTS, tal-bombi tal-karrozzzi li ma rriżultaw fl-ebda arrest u li fiha seħħ il-qtil ta’ Caruana Galizia. Dan kien assassinju li kien kien riżultat ta’ dak li seħħ fil-pajjiż u ma seħħx bħala kumbinazzjoni bla kuntest.
Adrian Delia kompla li l-Gvern qed jgħid li dan kien qtil iżolat li ma kellux x’jaqsam mar-realtà tal-pajjiż. Il-pjjiż sar stat li fih il-gvern assuma poter assolut biex jagħmel dak li jrid anki fejn mhux postu li jagħmlu. Dan ma kinx dejjem fl-interess tal-poplu anki kien hemm każi li jmorru kontra l-interessi nazzjonali. Dan bi ksur tal-liġijiet li suppost jipproteġu liċ-ċittadin. Dan mhux qed tgħidu biss l-Oppożizzjoni iżda anki l-Ombudsman u l-Prim Imħallef.
Adrian Delia semma’ l-każi ta’ Konrad Mizzi, Keith Schmebri, Jimmy Magro u Edward Caruana li issa ma jfissrux biss politiċi imma juru kif il-gvern qed ikisser l-istituzzjonijiet u jgħawweġ il-ġustizzja. Il-pulizija kaxkret saqajha dwar Jimmy Magro u Edward Caruana biex dwar Caruana issa se jittieħdu passi 11-il xahar wara li l-każ kien żvelat u wara li l-poplu kollu ra l-blokka kbira ta’ appartamenti fir-Rabat.
Il-Kap tal-Opożizzjoni kompla li issa l-pulizija iċċaqalqet għax hemm bżonn diversiv biex il-poplu jitkellem fuq xi ħaġa oħra. Hu sostna li dan hu inkwetanti. Dan hu nuqqas ta’ ġustizzja. Dwar Jimmy Magro, Adrian Delia qal li l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni hi konvinta li Magro hu moralment korrott iżda għaddew xhur u ma sar xejn.
Adrian Delia sostna li ma ġara xejn anki dwar il-bombi l-oħra li saru fil-pajjiż; il-pajjiż ta’ xejn m’hu xejn. Kif ma sar xejn f’Malta dwar il-Panama Papers meta fid-dinja kollha kien hemm ir-riżenji. Uffiċini ta’ Mossack Fonesca kienu ssiġillati madwar id-dinja iżda f’Malta s-sid tal-Bank Pilatus daħal fil-bank, daħal fil-karrozza u ħarab fil-pajjiż.
F’Apirl 2017 seħħ tradiment tal-ġustizzja meta l-ġurnalista Caruana Galizia għamlet akkużi serja fil-konfront tal-Prim Ministru, martu, Keith Schembri u l-Pilatus Bank. Il-Prim Ministru kien għamel konferenza u qal li se jagħmel investigazzoni tal-bank Pilatus jekk hemm x’tinvestiga.
Il-Pulizija kellha tissiġġilla l-bank u tinterroga lill-uffiċjal tal-Bank iżda l-pulizija bagħatu għall-ġurnalista u ma sar xejn. Il-Kummissarju tal-Pulizija ma rrealizzax il-gravità tas-sitwazzjoni u m’assumiex ir-responsabbiltà biex m’għamel xejn. L-inqas li seta’ jagħmel il-Kummissarju kien li jinvestiga.
Il-Kap tal-PN kompla li l-Prim Ministru kien bidel il-pożizzjoni u sejjaħ inkjesta. Dan meta l-obbligu tal-investigazzjoni kien tal-Kummissarju tal-Pulizija; bla ordni tal-Prim Ministru. Dan hu tradiment tal-ġustizzja. Dan ma seħħx b’kumbinazzjoni u ma seħħx biss bil-qtil ta’ Daphne għaliex is-saltna tad-dritt kienet ilha tmur lura kuljum fl-aħħar ħames snin.
Adrian Delia kompla li hu talab apoloġija lejn Daphne għaliex irrabbja meta kien imweġġa’. Il-Gvern mhux se jirnexxielu jinqeda bil-kliem tiegħu quddiem il-kroll tal-istituzzjonijiet. Jekk il-gvern jagħmel dan, allura l-impunità fil-pajjiż laħqet livelli allarmenti. Il-PN se jibqa’ jkun il-vuċi tas-sewwa fil-Parlament għaliex it-talbiet tal-PN huma t-talbiet tas-soċjetà ċivili.
Anki l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għalaq għajnejn wara li ma ttieħdux assi fuq rapporti tal-FIAU, li jikxfu l-ħmieġ tal-Gvern. Flok il-ġurnalisti ngħataw protezzjoni huma kienu mhedda li jintbgħatu l-ħabs jekk ma jikxfux is-sorsi tagħhom. Dan hu l-istat li l-pajjiż jinsab fih. Issa l-ġurnlaist Caruana Galizia inqatlet, sostna Adrian Delia, li kompla li l-Gvern keċċa lill-investigatur tal-FIAU Jonathan Ferris biex isikktuh u jagħlqulu ħalqu. Dan hu ċeritikat inkwetanti fuq il-ġustizzja.
Hu qal li bl-ebda mod hu qed jgħid li l-qtil ta’ Daphne hu marbut mal-Pilatus Bank jew mal-Panama Papers iżda l-fatti huma li l-istituzzjonijiet kkrollaw. L-Oppożizzjoni ilha titkellem dwar dan iżda l-gvern għadu għaddej bl-istrateġija tiegħu minkejja l-preokupazzjoni tal-poplu u anki l-kritika ta’ politiċi barranin. Il-Prim Ministru qed ikun negattiv.
Adrian Delia kompla li sentejn ilu l-PN ippubblika dokument dwar il-fiduċja fil-politika bi proposti biex l-istituzzjonijiet jissaħħu. Kieku l-Gvern sema’ mill-Oppożizzjoni, is-sitwazzjoni ma kinitx tkun traġika kif inhi llum. Il-PN mhux se jaqta’ qalbu u ħadd mhu se jagħmel sarima l-Oppożizzjoni jew mas-soċjetà ċivli. Il-Gvern ġab lil dan il-pajjiż stat bla ruħ. Il-poplu mhux se joqgħod sieket quddiem dan il-kolloss u għalhekk l-Oppożizzjoni se tkun kritika b’mod propożttiv għax verament il-ġid tal-pajjiż hu l-ewwel.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Oppożizzjoni qed tesiġi li ma titkompliex titkisser ir-reputazzjoni tal-pajjiż, jirriżenja l-Kummissarju u l-AĠ u l-ħatra tagħhom tkun approvata b’żewġ terzi. Din għandha bżonn biss il-kuntest tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni u tista’ ssir b’mod immedjat.
Għandha jissaħħu l-awtonomija tal-Korp tal-Pulizija u l-qasam ġudizzjarju fi żmien sitt xhur b’liġijiet li diġà jeżistu biex il-pajjiż jingħata l-viżjoni li miexi għall-ġid komuni. Dwar l-Avukat Ġenerali, Adrian Delia qal li minbarra r-riżenja tal-Avukat Ġenerali għandu jkun hemm it-tisħiħ tal-Uffiċċju kollu. Hu qal li hemm bidliet huma meħtieġa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman biex dan iwettaq xogħlu aħjar u li l-FIAU jkollu l-poter biex jiskrutunizza dak li jseħħ fil-pajjiż.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan iwassal għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u għandha issir liġi ġdida dwar il-ħatra ta’ Maġistrat Inkwrenti dwar il-Korruzzjoni li jkollu l-poteri legali li jinvestiga. Għandhom jitwettqu l-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello dwar il-ġudikatura u jsiru bidliet fil-liġi dwar l-prattiċi korrotti elettorali dwar impjiegi biex jinxtraw il-voti. Dan kollu jista u għandu jsir f’sitt xhur jekk il-gvern għandu għal qalbu lill-poplu.
Adrian Dleia kompla li l-PN irid ikun hemm bidu ta’ proċess ta’ bidla fil-governanza tal-pajjiż anki kostituzzjonali. Dan isir bi twaqqif ta’ kumitat parlamentari waqt li tibda titlaqqa’ l-konvenzjoni kostituzzjonali biex il-poplu jkollu sehem fit-twettieq tal-bidliet.
Adrina Delia kompla li dawn għandhom jintemmu sa mhux aktar tard mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali biex jekk ikun meħtieġ referendum dan ikun jista’ jsir f’Ġunju 2019.
Hu semma l-Belt tal-Kultura 2018 u qal li l-kultura li kulħadd qed jitkellem fuqha hi l-kultura tal-ħbieb tal-ħbieb, tal-korruzzjoni u ta’ kollox għall-bejgħ u taż-żarmar tal-istituzzjonijiet. Din il-kultura trid titkisser biex minn din it-traġedja joħroġ xi ħaġa waħda pożittiva biex titreġġa’ lura l-fiduċja fl-amministrazzjoni tal-ġustizja u dik pubblika.
Adrian Delia appella biex il-gvern biex jisma’, jwettaq, biex jieħu azzjoni u juri rieda tajba. Irid jew ma jridx dan il-gvern irid iġorr fuq spalltu r-responsabbiltà politika. Għalhekk il-Prim Ministru għandu jilqa’ l-appelli tal-PN u tas-soċjetà ċivili u jitneħħew il-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali biex dawn jinħatru b’żewġ terzi. Dan filwaqt li jilqa’ l-proposti l-oħra tal-Opożizzjoni. Hu appella lill-Prim Ministru biex jassumi r-responsabbiltà politika għall-qtil ta’ Daphne biex jekk isir dan l-Opożizzjoni tkun lesta tgħin biex Malta terġa’ taqbad it-triq tat-tama, tad-demokrazija, tal-ġustizzja, tal-libertà u tas-sigurtà.
Fil-bidu tas-seduta d-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli ppreżentat kopja tal-email li ntbgħatet minn ‘Occupy Justice’ lill-Prim Ministru u qalet li dawn l-attivisti qed jesiġu fuq ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali biex flokhom jitpoġġew persuni oħra li jgawdu l-fidujċa ta’ żewġ terzi tad-deputati.
//= $special ?>