Lokali Qorti

Liberta’ kondizzjonata u ordni biex iħalli Malta fi żmien ġimgħa

Raġel ta’ 57 sena imwieled fil-Ghana iżda jgħix f’San Pawl il-Baħar kien liberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, Kofi Nimoh ammetta li fit-23 ta’ Ottubru li għadda, f’appartament fi Triq il-Ħġejjeġ, San Pawl il-Baħar, kien involut f’argument ma’ raġel ieħor fejn ikkaġunalu ġrieħi gravi.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Mifsud innota li dan kien każ sfortunat ta’ tilwima bejn il-ħbieb li spiċċa ħażin minħabba li mingħajr intenzjoni, spiċċa biex ikkaġuna ferita gravi b’daqqa waħda.

Il-Qorti tat ukoll ġimgħa ċans lil Nimoh biex iħalli Malta u jmur lura lejn l-Italja fejn għandu permess ta’ residenza.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana.