Lokali Qorti

Nutar liberat minn akkużi ta’ frodi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti

Il-Qorti tal-Maġistrati illiberat nutar minn akkużi ta’ frodi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti b’rabta ma’ bejgħ ta’ propjeta’ fis-Swieqi. F’każ li jmur lura għall-2003 u li għadda minn taħt idejn 4 Maġistrati differenti, Anthony Agius ta’ 66 sena minn Ħal Qormi ma nstabx ħati b’kompliċita’ ta’ frodi għad-dannu tal-Gvern, li għamel użu minn kitba jew skrittura falza u li ffalsifika dokumenti.

Il-każ jittratta dwar bejgħ ta’ propjeta’ fis-Swieqi li kellha tinxtara minn Wendela Ringeling, ċittadina Olandiża u Raymond Aquilina. Iż-żewġ naħat qablu li l-propjeta tiġi trasferita għall-prezz ta’ €337,759 (Lm145,000) u kien iffirmat konvenju quddiem l-imputat. Madanakollu, inqala’ intopp dwar it-titolu tal-art fir-riċerki u l-kuntratt kellu jiġi pospost. Ringeling, li kienet ġiet f’Malta fis-Sajf tal-2003 biex tiffirma l-kuntratt, marret lura f’pajjiżha u tat prokura speċjali li ċertu Roberto Conte biex jaġixxi għan-nom tagħha. Iżda fil-kuntratt finali, il-prezz tniżżel minn €337,000 għal €130,000. Ringeling ċaħdet li kienet awtorizzat din il-bidla fil-prezz għall-skopijiet ta’ evażjoni fiskali.

Meta ikkonfrontat lin-nutar Agius b’dan, hu sostna li hu mexa fuq dokument iffirmat minnha fejn awtorizzat li l-kuntratt jipproċedi. Hi allegat li l-firma tagħha kienet falsifikata u dan kien konfermat mill-espert maħtur mill-Qorti.

Ringeling waħħlet fin-nutar personalment talli irrilaxxa l-flus u fetħet kawża ċivili kontrih. Il-Qorti ma laqgħetx it-talbiet tagħha iżda ordnat li l-Kummissarju tat-Taxxi Interni u l-Kummissarju tal-Pulizija jinvestigaw lin-nutar Agius fuq possibilta’ ta’ kompliċita’ fi frodi għad-dannu tal-Gvern u falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, innutat li n-nutar mhux firmatarju ta’ ebda kuntratt u kien biss riċevitur skont ir-rwol pubbliku tiegħu. Barraminhekk, il-Prosekuzzjoni ma ġabet ebda prova li n-nutar kellu xi intenzjoni kriminali li jiffroda lill-Gvern mit-taxxa dovuta.

Dwar l-akkuża ta’ falsifikazzjoni, il-Qorti qalet li r-rapport tal-espert imqabbad mill-Qorti jikkonferma li d-dokument ta’ awtorizzazzjoni kellu l-firma ta’ Ringeling iffalsifikata iżda fl-ebda ħin ma qal li l-falsifikazzjoni saret mill-imputat, jew li n-nutar kien jaf li d-dokument kien falsifikat.

Il-Qorti qalet li kien nuqqas kbir tan-nutar li l-persuna li hemm bżonn tiffirma, ma ffirmatx fil-preżenza tiegħu. Dawn in-nuqqas jista’ jwassal possibilment għal proċeduri marbuta mal-professjoni notarili iżda ċertament mhux proċeduri kriminali.

Għaldaqstant, il-Qorti ħelset lin-nutar Anthony Agius minn kull akkuża.