Formula 1 Sport

Sebastian Vettel jitkellem wara s-suċċess ta’ Lewis Hamilton

Sebastian Vettel jiċċelebra wara li rebaħ il-pole position fil-Messiku (Ritratt: EPA)

Is-sewwieq Ġermaniż tal-Ferrari Sebastian Vettel ammetta li Lewis Hamilton kien jistħoqqlu li jirbaħ il-kampjonat ta’ din is-sena. Hamilton laħaq lill-istess Vettel bir-raba’ kampjonat mirbuħ wara tiġrija tal-Messiku li kienet mimlija emozzjoni.

Kienet ukoll tiġrija li pprovdiet l-akbar kuntatt bejn it-tnejn, b’Vettel li beda mill-pole position, jolqot lil Hamilton kif ħarġu mit-tieni kantuniera, b’konsegwenza li t-tnejn kellhom jidħlu fil-pits. Iżda filwaqt li s-sewwieq tal-Ferrari qal li l-inċident u l-pożizzjoni finali kien diżappuntanti, u kkonċeda li “mhux importanti li għamlu huma fit-tiġrija. Li hu importanti hu dak li għamel Lewis matul is-sena u jimmeritah li jirbaħ il-kampjonat. Nawguralu. Din hi l-ġurnata tiegħu,” qal Vettel.

Vettel kellu bżonn li tal-anqas jispiċċa t-tieni biex ikollu xi tip ta’ ċans li jibqa’ jittama, iżda dan deher kważi impossibbli wara li spiċċa fit-18-il post minħabba ħsara fl-imnieħer tal-karozza. Il-Ġermaniż irnexxielu jirkupra 14-il post fosthom mossi sbieħ li bihom qabeż l-avversarji, iżda finalment kellu jpatti għall-inċident, li kien l-ewwel wieħed ma’ Hamilton mill-Grand Prix tal-Ażerbajġan f’Ġunju li għadda.

Minkejja li Hamilton saqsa lit-tim jekk Vettel laqtux apposta, fl-aħħar tat-tiġrija kien hemm sinjal ta’ rispett bejn iż-żewġ sewwieqa, b’Vettel jifraħ lil Hamilton fit-trijonf tiegħu. “Ma nibżax minnu. Nieħu gost intellaq miegħu imma kont nixtieq aktar nissielet aktar miegħu din is-sena. Kollox ma’ kollox kienu aħjar mill-kumplament tat-timijiet,” temm Vettel.