Internazzjonali

Sejħa biex jitressqu akkużi ta’ rewwixta kontra t-tmexxija tal-Katalonja

Il-Prosekutur Kap ta’ Spanja sejjaħ biex jitressqu diversi akkużi, fosthom dik ta’ rewwixta, u li ġġorr piena massima ta’ 30 sena ħabs, kontra t-tmexxija tar-reġjun Katalan, fosthom Carles Puigdemont, li kien il-President tar-reġjun u l-ixprun għall-vot favur l-indipendenza.
Dan hekk kif Spanja, it-Tnejn, bdiet tieħu passi biex tieħu l-kontroll dirett tal-Katalonja.
Sadattant, hekk kif kien hemm stennija biex wieħed jara jekk Puigdemont kienx se jidħol għax-xogħol, irriżulta li dan kien fil-kaptiali Belġjana, Brussell. Hu mar flimkien ma’ xi wħud mill-membri mkeċċija tal-Kabinett tiegħu biex jiltaqa’ ma’ xi politiċi lokali.
L-awtoritajiet Spanjoli nhar il-Ġimgħa keċċew lil Puigdemont bħala mexxej reġjonali u ssospendew l-awtonomija Katalana.
Bil-pass li ħa l-Gvern Spanjol li jirtira l-awtonomija tal-Katalonja, hemm madwar 150 uffiċjal reġjonali li tneħħew mill-kariga.