Futbol Sport

Sliema jiksbu t-tielet rebħa konsekuttiva

Frank Temile jipprova jitfa' kross fil-kaxxa Ħamruniża (Ritratt: Matthew Tabone)

SLIEMA W……………………1

ĦAMRUN S………………….0

Sliema: G. Zammit, J. Mintoff (P. Xuereb 59’), J. Pearson, S. Biancardi, G. Adamovic, M. Muchardi, E. Agius, G. Aquilina, F. Temile (R. Correa 80’), F. Qeros (R. Spiteri 85’), J. de Assis

Ħamrun: J. Galea, P. Chircop (L. Micallef 46’), C. Zaccardo, D. Zerafa, G. de Castro, T. Caruana, D. Camilleri, T. Espindola, T. de Souza, F. Marino Clavero, P. Henrique

Imwissija: G. de Castro 20’, T. de Souza 70’, D. Zerafa 90’ (Ħ), J. Pearson 28, J. de Assis 61’ (S)

Tkeċċa: G. de Castro 63’ (Ħ)

Skorja: F. Qeros 18’ (S)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Sammy Attard

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Frenci Qeros (Sliema Wanderers)

Attendenza: 694

Sliema Wanderers komplew bil-mument pożittiv tal-aħħar logħbiet meta rnexxielhom jegħlbu wkoll l-isfida ta’ Ħamrun Spartans 1-0 biex kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva wara li fl-aħħar żewġ logħbiet għelbu lil Birkirkara u Hibernians. B’din ir-rebħa s-Slimiżi reġgħu jinsabu punti ndaqs ma’ Floriana u Hibernians.

Ħamrun baqgħu fis-seba’ post, erba’ punti wara t-tliet timijiet ta’ fuqhom, f’konfront li kienu qed jittamaw li joħorġu rebbieħa biex jitilgħu mat-timijiet ta’ fuq. Iżda matul il-logħba naqsu li jkunu perikolużi biżżejjed filwaqt li setgħu kienu aħjar f’nofs il-grawnd.

Il-kowċ Slimiż John Buttigieg żamm l-istess formazzjoni li għelbet lil Hibernians. Fuq in-naħa l-oħra, il-kowċ Ħamruniż Jacques Scerri għamel tliet bidliet mir-rebħa kontra Senglea. Cristian Zaccardo rritorna mal-ewwel ħdax, b’Dale Camilleri u Pedro Henrique jibdew ukoll, flok l-imweġġa’ Siraj Arab, il-midfielder Terence Agius u l-winger Lydon Micallef.

Sliema fetħu l-iskor fit-18-il minuta meta ngħataw penalty wara li Philip Chircop deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa. Mill-11-il metru, ix-xutt ta’ Matias Muchardi kien salvat parzjalment minn Jake Galea, iżda mir-rebound kien Frenci QEROS li kien l-aktar veloċi biex fetaħ l-iskor.

Ir-reazzjoni ta’ Ħamrun waslet permezz ta’ kross minn Zaccardo lejn Marino Clavero li prova b’xutt mill-ewwel li iżda għadda ftit barra. Ftit wara, Glenn Zammit salva tajjeb xutt ta’ Zaccardo.

Sliema reġgħu kienu perikolużi lejn tmiem l-ewwel taqsima, b’Gabriel Aquilina jiftaħ id-difiża avversarja lejn Matias Muchardi, iżda Jake Galea kien attent u dawwar f’korner.

Wara l-mistrieħ, il-logħba naqset mir-ritmu li kellha fl-ewwel 45 minuta. Ħamrun kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas fit-63 minuta waral li Guilherme de Castro rċieva t-tieni karta safra.

B’vantaġġ numeriku, Sliema setgħu jikkontrollaw aħjar il-logħba u kwarta mit-tmiem setgħu serrħu rashom mill-punti, iżda Galea salva tajjeb fuq Qeros, biex mir-rebound Daniel Zerafa blokka t-tentattiv ta’ Aquilina.

It-tim ta’ Buttigieg falla aktar okkażjonijiet lejn it-tmiem, b’Galea jsalva tajjeb fuq de Assis, biex l-attakkant serva lill-iżmarkat Ryan Spiteri, iżda x-xutt tiegħu kien ċentrali wisq. L-aħħar tentattiv kważi ħasad lil Sliema, b’xutt ta’ Triston Caruana li spiċċa ftit barra.