Sport Sport Ieħor

Wozniacki tirbaħ il-finali WTA

Caroline Wozniacki tbus it-trofew wara l-preżentazzjoni (Ritratt: EPA)

Caroline Wozniacki kisbet l-akbar unur tal-karriera tagħha, wara li għelbet lil Venus Williams 6-4, 6-4 biex għalqet l-istaġun WTA f’Singapore bl-aħjar mod possibbli. Dan is-suċċess għalaq sena memorabbli għad-Daniża li fiha waslet fi tmien finali u rebħet it-tieni titlu.

Filwaqt li Wozniacki temmet l-istaġun b’mod tajjeb, din kienet finali oħra mitlufa għal Venus Williams, li saret l-akbar tennista li waslet għal finali fl-istorja tat-tournament. Williams li għandha 37 sena, din is-sena spiċċat semifinalista tal-Open tal-Istati Uniti u finalista fl-Open tal-Awstralja u Wimbledon.

Wozniacki kienet għelbet lil Elina Svitolina u Simona Halep fil-fażi tal-gruppi, qabel ma kisbet rebħa brillanti fuq Karolina Pliskova fis-semifinali. Qabel din il-logħba, Wozniacki kienet għadha ma rebħet l-ebda konfront minn sebgħa kontra Williams.

Williams se tibqa’ fil-ħames post fir-rankings wara sena li fiha qabżet l-aspettattiva meta resqet viċin is-suċċess diversi drabi, u se tkun qed ittama li s-sena d-dieħla terġa’ tipprova tikseb is-suċċess.

Tags