Internazzjonali

Arrestat fuq sejba makabra fil-Ġappun

Il-Pulizija Ġappuniża arrestat raġel wara li sabet il-partijiet ta’ disa’ katavri ġol-appartament tiegħu f’Zama, qrib ta’ Tokjo.

Ir-rapporti qalu li l-pulizija elevat tal-anqas żewġ irjus maqtugħin minn kontejner għall-ikel tal-friża barra l-appartament tas-suspettat, Takahiro Shiraishi.

Is-sejba makabra saret waqt li l-pulizija kienet qed tinvestiga l-għajbien ta’ mara. Mifhum li din l-mara kellha xi kuntatt mas-suspettat wara li kitbet, online, li hi riedet tneħħi ħajjitha b’idejha.

Intant, il-pulizija sabu wkoll il-partijiet imbiċċrin ta’ seba’ persuni oħra – li wkoll kienu qed jinżammu f’cool boxes – fl-appartament ta’ Shiraishi, li għandu 27 sena, u li qed jinżamm fuq suspett li ‘iddispona mill-katavri’. Ingħad li l-partijiet tal-vittmi – tmien nisa u raġel – kienu fi stadji diversi ta’ dekompożizzjoni.

Ix-xandar NHK, fl-istess ħin, irrapporta dak li qalulu sorsi mal-Pulizija fis-sens li s-suspettat ammetta li qatel lill-vittmi u li ħeba l-katavri. Shiraishi kien ikkwotat li ‘kien qatel lill-vittmi imbagħad ħa l-passi biex hu ma jinqabadx’.

Wieħed mill-ġirien tas-suspettat qal li kien ilu jxomm ‘riħa stramba’ mill-appartament ta’ maġenbu, mindu Shiraishi mar joqgħod hemm f’Awwissu li għadda.