Lokali

Arrestat ir-raġel ta’ Natalie Williams – ammetta li ħeba lil martu f’kamra taħt l-art

Roddy Williams, ir-raġel ta’ Natalie Williams ta’ 46 sena li kienet irrapurtata nieqsa l-Ħadd li għadda, qed jinżamm arrestat wara li l-mara nstabet mitlufa minn sensiha f’kamra taħt l-art fl-inħawi tal-bajja tar-Rinella.

Jirriżulta li Roddy ammetta li kien hu li poġġiha f’din il-kamra u ħa lill-Pulizija fil-post qabel ittieħed lejn l-Għassa ta’ Bormla għall-investigazzjonijiet.

Natalie nstabet f’kamra fil-blat u fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lil Williams lejn l-isptar Mater Dei għal aktar kura. Jirriżulta li kien ilha għal jiem sħaħ b’ nuqqas t’ikel u xorb fil-jiem li hi kienet tinsab mitlufa.

B’rabta mal-każ, NetNews jinsab infurmat li l-Pulizija ġew msejħa ftit wara t-tmienja ta’ filghaxija dwar ġlieda fi Triq is-Salvatur fil-Kalkara. Hemmhekk huma sabu l-qraba ta’ Williams jilletikaw mar-raġel tagħha, Roddy li hu mis-Seychelles.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u t-Tlieta mar fil-post anke l-Maġistrat Joe Mifsud biex sar l-aċċess.

L-ewwel investigazzjonijiet urew li r-raġel ta’ spiss kien imur ħdejn martu f’din il-kamra taħt l-art, li ma kinitx imsakkra u li Natalie ma kinitx marbuta. Madankollu kienet f’post fi dlam ċappa u li minnu diffiċli toħroġ mingħajr ma tintilef.

Minkejja dan, il-Pulizija mhux jeskludu wkoll li jakkużawh b’attentat ta’ qtil. F’Awwissu li għadda fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, ir-raġel saħansitra tella’ ritratt b’żewġ armi tan-nar u qal li lest għal kull min ikompli jaqbad miegħu jew mat-tfajla tiegħu.

Dan anke għaliex Net News hu nfurmat li dawk qrib ta’ Natalie u qraba tagħha ftit li xejn kellhom relazzjoni tajba miegħu, tant li mill-ewwel is-suspetti tal-għibien tagħha waqgħu fuqu.