Internazzjonali

Puigdemont mhux ifittex kenn politiku fil-Belġju

 

L-eks Mexxej tal-Katalonja, Carles Puigdemont, qal li hu ma vvjaġġax lejn il-Belġju bil-ħsieb speċifiku li jfittex il-kenn politiku f’dan il-pajjiż.

Dan wara li hu deher fil-pubbliku fi Brussell, fejn kien akkumpanjat minn diversi kollegi, jiem wara li kien iddikjara indipendenza għall-Katalonja minn Spanja.

Il-Gvern ċentrali ta’ Spanja ħa l-kontroll dirett tal-Katalonja waqt li, fi tmiem il-ġimgħa, keċċa lill-uffiċjali Katalani, inkluż Puigdemont, b’konsegwenza tad-dikjarazzjoni dwar l-indipendenza. Dan seħħ anki wara li segment mill-poplu Katalan kien ivvota f’referendum biex ir-reġjun jinqata’ mill-kumplament ta’ Spanja u li fih il-maġġoranza assoluta tal-votanti qalu ‘iva’ għal dak il-pass.

Sadanittant, Carles Puigdemont qal li mhux qed jipprova jaħrab mill-ġustizzja iżda jrid ikun jista’ jesprimi ruħu fil-libertà. Hu kien qed jitkellem waqt li l-Qorti Kostituzzjonali ta’ Spanja kanċellat id-dikjarazzjoni tal-Katalonja dwar l-indipendenza.

Meta, illum, indirizza konferenza tal-aħbarijiet fi Brussell, Puigdemont qal li għandu jaċċetta r-riżultat tal-elezzjonijiet li se jsiru f’Diċembru, f’Katalonja. L-elezzjonijiet tħabbru mill-Gvern ċentrali ta’ Spanja meta l-awtonomija tar-reġjun spiċċat sospiża.

Fl-istess ħin, Carles Puigdemont ma ċċarax kemm hu se jdum il-Belġju iżda qal li beħsiebu jmur lura fi Spanja ladarba hu jingħata ‘il-garanziji’ mill-Gvern ta’ Madrid. Hu kompla li d-deċiżjoni tal-Prosekutur Spanjol biex jakkuża lilu u numru ta’ membri oħra tal-ekskabinett Katalan b’reati li jġorru pieni ta’ 30 sena ħabs ‘qed turi kemm l-awtoritajiet ċentrali (Spanjoli) huma lesti li jaslu bl-aggressjoni tagħhom’.

Aktar qabel, il-Ministru Belġjan għall-Immigrazzjoni, Theo Francken, kien tenna li applikazzjoni għall-ażil fir-rigward ta’ Puigdemont kellha titqies bħala ħaġa realistika. Iżda l-Prim Ministru tal-Belġju,  Charles Michel, ‘il quddiem, qal li din l-applikazzjoni assolutament ma kenitx fuq l-aġenda.

Il-Prosekutur Ewlieni ta’ Spanja qed isejjaħ biex jitressqu akkużi kontra Puigdemont, li jista’ jiffaċċja akkużi bħala protagonista ta’ rewwixta fi Spanja. Intant, persuni oħra li kienu influwenti fir-referendum ipprojbit għall-indipendenza tal-Katalonja jistgħu wkoll jiffaċċjaw akkużi dwar rewwixta.

Fi żvilupp separat, fi Spanja, il-Guardia Civil – qawwa paramilitari b’doveri polizjeski – wettqet rejd fl-uffiċini tal-Pulizija Katalana magħrufa bħala Mossos d’Esquadra. Hemmhekk saret tfittxija għal komunikazzjonijiet relatati għar-referendum tal-1 ta’ Ottubru fil-Katalonja.