Lokali Parlament

Fil-pajjiż jeżisti qbil unaminu li hawn problema tas-saltna tad-dritt ħlief għall-gvern

– Il-Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco

Il-Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco qal li fil-pajjiż hawn qbil unaminu li hawn problema tas-saltna tad-dritt u ta’ kredibbiltà tas-saltna tad-dritt fil-pajjiż; ħlief għall-gvern. Il-Gvern ma ħareġ bl-ebda proposta biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u qal biss kemm l-affarijiet sejirn tajjeb fil-pajjiż.

Fil-parlament Mario de Marco qal li x-xena politika tal-pajjiż inbidlet bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan seħħ konsegwenza ta’ dan kollu u ta’ ħafna affarijiet li ilhom iseħħu fil-pajjiż; sitwazzjoni li wasslet għall-kollass tal-istituzzjonijiet.

Mario de Marco kompla li l-Kumitat ta’ Skrutinju għal Karigi Pubbliċi hu tajjeb iżda issa dan hu ftit wisq u tard wisq għaliex l-istituzzjonijiet qed ibatu minn sens assolut ta’ nuqqas ta’ kredibbiltà. Il-Gvern issa jrid juri iktar kuraġġ u maturità politika biex joħroġ lill-pajjiż mill-isqaq li dan l-istess gvern daħħal lill-pajjiż ġo fih.

Il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-kumitat għandu jkollu kworum ta’ erba’ deputati u mhux tlieta biex l-Oppożizzjoni trid dejjem tkun preżenti. Hu sostna li ċertu diplomatiċi għandhom ikunu skrutinizzati. Qed isir żball li l-iskrutinju jkun limitat għal min hu ambaxxatur għaliex hemm diversi awtoritajiet li jappuntaw numru ta’ persuni li jirrappreżentaw lil Malta.

Hu żball li l-persuni li jerġgħu jkunu appuntati mhux se jkunu skrutinizzati. Għandu jsir ukoll skrutinju tad-diretturi tal-bordijiet u mhux taċ-chairpersons biss.

Mario de Marco tkellem dwar l-importanza li ċertu karigi jkunu appuntati b’vot ta’ żewġ terzi. Hu qal li l-Kummissarju tat-Txaxi Interni, tal-VAT, l-Ombusman u l-kummissarji fl-Uffiċċju tal-Ombudsman għandhom lkoll ikunu skrutinati mill-parlament.

Dwar il-proċedura li se tintuża, Mario de Marco qal li din hi proċedura burokratika li fiha hemm kontrolli mill-ministru. Hu sostna l-iskrutinju ma jsirx billi jsiru mistoqsijiet bil-kitba iżda billi jkun hemm smigħ dirett tal-persuni nominati.

Mario de Marco qal li l-poplu qed jistenna ħafna iktar mill-parlament u appella lill-Gvern biex juri kuraġġ u maturità politika billi juri li qed jisma lin-nies li issa tkellmu.