Lokali

Il-gvern għandu jkisser il-ħitan u jipprova jibni pont ta’ djalogu

Ritratt: Martin Agius

– Simon Busuttil, PN

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil appella biex il-gvern ikisser il-ħitan u jipprova jibni pont ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni.

Fil-parlament Simon Busuttil qal li l-pajjiż qed jgħix kriżi li quddiemha l-gvern ma offra l-ebda kooperazzjoni. Wara l-qtil ta’ Raymond Caruana kien hemm l-ex Prim Ministru Mintoff li offra alternattiva. Illum il-pajjiż jinsab fl-istess sitwazzjoni iżda l-gvern lanqas għandu d-diċenza li joffri l-inqas.

Quddiem din is-sitwazzjoni l-Oppożizzjoni wriet rabja waqt li l-gvern espriema biss tgħajjir għall-Oppożizzjoni. L-argumenti tal-gvern juru li l-gvern lanqas għandu d-diċenza li hawn problema.
Id-deputat Nazzjonlaista qal li fi żmien gvern Nazzjonalista qatt ma kien hemm qtil bħal dak ta’ Caruana Galizia.

Hu kompla li fi gvern Nazzjonalista qatt ma nħolqot il-klima li fiha nqatlet ġurnalista maqtula b’dan il-mod u kien għalhekk li ma srux il-proposti li llum qed jagħmel il-PN. Simon Busuttil qal li l-kritika dwar il-qtil ta’ Daphne ma jammontax għall-ħsara fil-pajjiż għaliex il-ħsara saret minn min ħalla l-ħsara ssir fil-pajjiż.

Simon Busutill qal li m’hemmx pajjiż wieħed li qiegħed fis-sitwazzjoni li wara l-iskandlu tal-Panama Papers, kulħadd baqa’ f’postu u ma sar xejn. Dan hu gvern intolleranti li ma jħallix lill-Oppożizzjoni titkellem.
Simon Busuttil kompla li l-gvern bena ħidma ta’ diviżjoni kbira li hu stess bena u appella biex jinbena pont ta’ djalogu. Hu sostna li qed jaqta’ qalbu li l-pajjiż se joħroġ minn din is-sitwazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Prim Ministru għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għax qisu xejn m’hu xejn. Għandu jkun hawn riforma radikali fil-mod kif jitmexxa l-pajjiż għaliex il-pajjiż qatt ma kien f’din is-sitwazzjoni. Hu appella biex il-pajjiż joħroġ minn din is-sitwazjzoni.

Il-Gvern għandu joħroġ l-id tal-kooperazzjoni. Aħna lkoll aħwa Maltin, sostna Simon Busuttil, li qal li l-liġi dwar l-amministrazzjoni pubblika għandha intenzjoni tajba iżda mhix qed issir b’mod tajjeb. Din hi opportunità mitlufa, sostna Simon Busuttil, li kompla li l-PN qed jipproponi li l-karigi l-aktar importanti jkunu f’livell u l-oħrajn ikunu f’livell ieħor.

Il-karigi li għandhom jinħatru b’żewġ terzi huma l-President, li-Kummissarju tal-Pulizija il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati Maltin, il-Kap taċ-Ċivil, id-Direttur tal-Uffiċċju tal-Istatistika, iċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir, iċ-Chairman tal-Kumissjoni tal-Impjiegi u ċ-Chairman tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.

Jekk ma jintlaħaqx qbil, il-Gvern xorta jżomm id-dritt li jagħżel hu. Il-karigi l-oħra fosthom il-bordijiet jsir bi smigħ fil-parlament. Il-gvern ma jridx jaċċetta din il-proposta minkejja li din tkun bidla radikali fil-mod kif jitmexxa l-pajjiż.

Simon Busuttil qal li l-gvern ġie bi proposta li għandha diversi difetti fosthom li mhux l-entitajiet m’humiex kollha inklużi fl-iskrutinju, li l-iskrutinju mill-Kumitat Parlamentari mhux se jsir b’mod dirett mal-persuna iżda jsir bil-miktub, l-iskrutinju jsir għan-nies il-ġodda u mhux għan-nies li hemm illum, il-limitu ta’ mistoqsijiet li jridu jsiru u li l-ministru jieħdu d-deċiżjoni finali dwar il-ħatra.

Hu qal li l-iskrutinju għandu jsir għall-persuni kollha, għandu jsir b’mod dirett, m’għandu jkun hemm l-ebda limitu fuq il-mistoqsijiet u li l-Kumitat Parlamentari għandu jkollu d-deċiżjoni finali u mhux il-ministru.