Rapporti mir-reġjun qalu li mietu tal-anqas 200 persuna fil-Korea ta’ Fuq wara kroll f’mina li tinsab f’sit fejn qed isiru l-provi nukleari min-naħa tar-reġim komunista fi Pyongyang.
Ir-rapporti li ħarġu qalu li l-mina, fis-sit ta’ Punggye-ri, ikkrollat waqt xogħol ta’ eskavazzjoni li kienu qed jagħmlu għexieren ta’ ħaddiema fl-inħawi. Ingħad ukoll li seħħ ‘tieni kroll’, meta ’il fuq minn 100 ħaddiema addizzjonali kienu ntbagħtu biex isalvaw lill-vittmi midruba tal-ewwel kroll.
Mhux eżattament ċar meta l-mina ċediet, iżda x’aktarx li t-traġedja tmur lura għal ‘xi żmien’ wara li l-Korea ta’ Fuq kienet wettqet is-sitt prova nukleari tagħha fis-sit inkwistjoni.
Il-prova partikulari – li kienet ikkundannata mill-komunità internazzjonali –irriżultat f’theżżiża tal-art qawwija li reġistrat 6.3 fuq l-Iskala Richter.
Jaħsbu li dik il-prova speċifika kellha l-qawwa ta’ bejn 50 u 120 kilotunnellata ta’ splussivi, fost indikazzjonijiet li l-qawwa kienet ‘tliet darbiet b’saħħitha’ daqs il-bomba atomika li tefgħu l-qawwiet tal-Istati Uniti fuq il-belt Ġappuniża ta’ Hiroshima, lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Fiż-żmien tas-sitt prova, xjenzat Ċiniż kien semma l-possibbiltà ‘li ċċedi l-muntanja fis-sit ta Punggye-ri,’ b’konsegwenza tat-theżżiża sussegwenti.
//= $special ?>


