Lokali Saħħa

“Il-legalizzazzjoni tal-kannabis tħarrax it-tendenza tal-vizzju tal-kannabis” – Fondazzjoni OASI

L-istat fid-dmir li li jirriċerka u joffri soluzzjonijiet

l-Fondazzjoni OASI hija mħassba kif sottilment qed jiġi ttrattat is-suġġett tal-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv u terapewtiku b’mod politiku.

Peress li dan l-użu qed jiġi ġġustifikat bl-argument li hemm nies li jbagħtu b’ċerti kundizzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw medikament, dan qatt ma jista’ jiġġustifika l-legalizzazzjoni u sussegwentament jiġi ffaċilitat il-pussess faċli tad-droga. Il-Fondazzjoni OASI ħarġet għadd ta’ punti li juru t-tħassib tagħha fuq x’futur hemm lest għal saħħet uliedna u s-soċjetà inġenerali bl-effetti negattivi tal-legalizzazzjoni bla rażan ta’ droga li tbiddel il-burdata.

Jeħtieġ diskussjoni minn nies professjonali u mill-vittmi tad-droga jew il-ġenituri tagħhom fuq il-legalizzazzjoni tal-kannabis. L-OASI tgħid li din il-legalizzazzjoni tħarrax it-tendenza tal-vizzju tal-ħaxixa. Dan peress li l-professjonisti fis-settur ikollhom jħabbtu wiċċhom ma’ bosta żgħażagħ li għall-ewwel jibdew bit-tipjip tan-nikotina u l-konsum tal-alkoħol, u eventwalment jispiċċaw ivvizzjati, iħarbtu ħajjithom u ħajjet familthom.

Il-Fondazzjoni OASI tistaqsi kif l-istat beħsiebu jillegalizza dawn is-sustanzi meta fl-istess ħin jikkampanja kontra t-tipjip u l-konsum tal-alkoħol. L-impressjoni mogħtija li l-kannabis ma tagħmilx ħsara fiżika huwa qarrieqi.

Huwa fatt magħruf ukoll li l-kannabis toqtol l-emozzjonijiet ta’ dak li jkun u lejn ta’ madwaru.

Flok jillegalizza d-droga, l-OASI tħeġġeġ lill-istat ikun proattiv billi jevalwa għala ż-żgħażagħ tal-lum qed jagħżlu li jaħarbu mir-realitajiet flok jiffaċċjawhom. B’hekk il-Gvern fid-dmir li jirriċerka u joffri soluzzjonijiet għalfejn iż-żgħażagħ jirrikorru għal dawn is-sustanzi perikolużi biex ineħħu d-dwejjaq f’ħajjithom. Ta’ dan, l-OASI se żżomm lis-soċjetà responsabbli għal dawk in-nies li jisfaw f’strati differenti tal-faqar kawża tal-vizzju tal-kannabis.