Internazzjonali

L-Afganistan: Splużjoni qattiela fiz-zona diplomatika ta’ Kabul

Numru ta’ persuni tilfu ħajjithom fi splużjoni qawwija fiċ-ċentru ta’ Kabul, fejn il-mira tidher li kienet iz-zona diplomatika, magħrufa bħala ‘iz-Zona l-ħadra’, fil-kapitali Afgana.

L-aħħar rapporti kienu qed jistennew il-konferma ta’ ‘numru sostanzjali ta’ mejtin’, waqt li l-ambulanzi kienu qegħdin jaslu fl-inħawi biex iwasslu lill-feruti lejn l-isptar. L-ammont tal-vittmi, fil-fatt, kien indikat li seta’ jiżdied ‘minn sigħa għall-oħra’, meta l-indikazzjonijiet inizjali kienu ta’, almenu, ‘tmienja mejtin’.

Filwaqt li l-kaġun tal-isplużjoni ma kienx ċar, din mhix l-ewwel darba li l-inħawi ta’ Kabul, fl-aħħar xhur, sfaw mira tal-militanti Iżlamiċi tat-Taliban u ta’ militanti ma’ gruppi oħrajn.