“L-Oppożizzjoni Nazzjonalista hi favur li jsir skrutinju effettiv għal min ikun nominat biex jingħata karigi għolja fis-settur pubbliku”. Hekk sostna Hermann Schiavone, il-Kelliem għall-Amministrazzjoni Pubblika u s-Settur Pubbliku. Il-Membru Parlamentari insista li kien proprju l-Partit Nazzjonalista stess li fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’ ippropona li l-iskrutinju effettiv għal karigi bħal dawk tal-Kap taċ-Ċivil, il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, l-Kap Statistiku fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, u l-membri ta’ korpi kostituzzjonali bħall-Awtorità tax-Xandir, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u l-Kummissjoni dwar l-Impjiegi.

Hermann Schiavone saħaq li għalhekk, fi stadju ta’ Kumitat fil-Parlament, l-Oppożizzjoni mistennija tkun qed tressaq emendi għall-abbozz ta’ liġi bl-isem ‘Public Administration Act’. Madanakollu, spjega li l-abbozz ta’ liġi li ppreżenta l-Gvern, bħalissa ma jinkludix skrutinju effettiv għaliex m’hemmx l-obbligu li jsiru hearings fil-Parlament, iżda sempliċiment mistoqsijiet bil-miktub, fejn il-Ministru jservi biss ta’ messaġġier bejn il-persuna nominata u l-Parlament.
Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista saħaq li fost l-oħrajn, l-Oppożizzjoni se tkun qed tinsisti li l-hearings ikunu effettivi u jsiru wiċċ’imb’wiċċ mal-persuna nominata, kif ukoll li ankè karigi bħal dawk tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jkunu suġġetti għal skrutinju.
Huwa temm jgħid li an hu l-mod kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista lesta tgħin lill-Gvern.
//= $special ?>

