Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni taqbel fil-prinċipju mal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika iżda se tressaq emendi għal skrutinju effettiv

Il-Whip tal-Grup Parlamentari tal-Oppożizzjoni David Agius qal fil-parlament llejla li l-Oppożizzjoni taqbel fil-prinċipju mal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika iżda se tressaq l-emendi biex din il-liġi tkun imtejba u l-iksrutinju jkun effettiv.

David Agius sostna li għalhekk il-vot tal-Oppożizzjoni mhux se jkun favur il-liġi fit-totalità tagħha u se jkun propost li l-istadju ta’ kumitat isir fil-Kamra biex l-Oppożizzjoni tkun tista’ tieħu l-pożizzjoni tagħha.

Tul id-diskussjoni dwar il-liġi, l-Oppożizzjoni sostniet li hu pożittiv li tressqet liġi dwar skrutinju fl-amministrazzjoni pubblika iżda din il-liġi hi ferm ‘il bogħod minn skrutinju effettiv kif isir f’pajjiżi oħra Ewropej.

L-Oppożizzjoni appellat lill-gvern biex minbarra li jkun hemm qbil parlamentari dwar il-karigi ewlenin fil-pajjiż fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Awditur Ġenerali u l-Kap Kmandnat tal-Forzi Armati ikun hemm skuritnju effettiv u dirett tal-persuni appuntati f’karigi oħra ta’ importanza sekondarja.

F’isem il-Gvern, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, li ressaq din il-liġi, qal li ma kellux oġġezzjoni li l-Kumitat tal-liġi jsir fil-parlament iżda kien se jikkonsulta mal-Grupp Parlamentari tal-Gvern.