L-ex Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern Iman Schembri xehed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) llejla li l-pressjoni li saret dwar il-każ ta’ propjetà tal-gvern u tal-Knisja mibjugħa fi Triq Spinola f’San Ġiljan kienet biex il-każ jingħalaq minħabba li dan kien ilu perjodu twil u minħabba l-prezz tal-bejgħ.
Iman Schembri, li kien Direttur Ġenerali atd-Dipartiment tal-Projetà tal-Gvern, xehed li l-każ beda ferm qabel żmienu fid-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern u kien konkluż fl-2012. Hu qal li l-interazzjoni mad-dipartiment kienet bdiet sa mill-1998 u rrikonoxxa li kien hemm min xtara ħażin iżda l-pżizzjoni tas-sid kienet korretta. Hu spjega li, wara r-riċerki, kien stabbilit li min xtara kien xtara ċens li kien skada. Ix-xirja saret bi skop tajjeb u għalhekk riedet tinstab soluzzjoni.
Hu qal li l-każ kien komplikat għax kien tawwal għal bosta snin u kompla li kienu saru xi investimenti mill-persuna li xtrat. Hu kompla li hu kien it-tielet direttur ġenerali fi tliet snin u kkonferma li kull deċiżjoni kienet tkun approvata mill-Ministru u għalhekk il-Ministru kien konxju dwar dan il-każ.
Schembri qal li s-sistema kienet li kull pass li jittieħed kien ikun riferut lill-ministru konċerat dirett mingħandu bħala DĠ jew minn uffiċjali oħra tad-dipartiment. Hu kkonferma li fil-każ in kwistjoni kien informa lill-Ministru Jason Azzopardi jew inkella l-każ kien riferut lill-Ministru Azzopardi minn uffiċjali oħra.
Il-Kap tas-Segertarjat tal-Ministeru Lino Mintoff kien dejjem ikun preżenti fil-laqgħat u kien ikkuppjat b’kull informazzjoni. Hu qal li kien iħoss frustazzjoni f’dan il-każ għax wara d-diskussjonijiet, ikun hemm oġġezzjoni qabel tittieħed id-deċiżjoni. L-oġġezzjoni kienet issir mingħand il-kljient.
Schembri qal li hu kien ta żewġ għażliet lill-Gvern dwar il-post in kwistjoni fosthom l-emfitewsi fejn il-Ministru kien qabel. Hu xehed li l-oġġezzjonijiet tal-klijent kienu jinftehmu għaliex kien hemm diffikultajiet. Kont inħossni pressat ħafna qisni kont jien li ma rridx immexxi l-affarijiet. Kelli pressjoni minn dan il-persuna biex nagħlaq minħabba li l-persuna kien qed jallega li kien għadda minn intervent mediku minħabba fija, sostna Iman Schembri.
Ix-xhud qal li kien ippropona li jsir bejgħ dirett u l-ministru qabel mal-proposta. Hu kompla li qabel kull azzjoni kien jiffirma l-Ministru Jason Azzopardi; kollox hu miktub fil-files. Schembri kompla li hu kien anki qabel li jsir emfitewsji iżda ssir sejħa oħra għall-offerti. L-avukat tal-klijent Peter Fenech kien oġġezzjona għal dan. Kien saret laqgħa fil-ministeru fejn kien hemm l-avukati preżenti.
Hu sostna li kien qed jiġi akkużat li kien qed itawwal u għalhekk f’laqgħa minnhom talab il-preżenza tas-Segretarju Permanenti Paul Zahra biex kull deċiżjoni tkun aċċettabbli. Għal din il-laqgħa kien preżenti wkoll Jason Azzopardi, li insista li tinstab soluzzjoni.
Schembri kompla li l-gvern kien fetaħ skema ta’ fidi tar-residenzi u qal li ħass li kellu jagħmel eċċezzjoni. Hu xehed li Jason Azzopardi kien iċemplillu, mhux biex jiddiskuti l-prezzijiet iżda biex jagħlaq il-każijiet.
Dan ma kinx każ normali żgur, sostna Schembri, li kompla li t-telefonati kienu forma ta’ pressjoni fuqu. It-telefonati kienu istigati minn emails mill-avukati tal-kljienti li fihom kienu jkunu kkuppjati l-ministri u jista’ jkun kien ikkuppjat ukoll il-Prim Ministru.
Schembri kompla li l-parir tiegħu lill-Ministru kien li jsir emfitewsi u sostna li d-deċiżjoni li jsir il-bejgħ ittieħdet b’kod kollettiv fil-preżenza tal-Ministru Jason Azzopardi. Il-laqgħat saret il-ministeru stess.
Iman Schembri qal li kieku sar ċens, il-gvern kien idaħħal mijiet ta’ eluf ta’ Euros; madwar €525,000. Bit-tieni għażla li l-gvern għalaq dwarha l-gvern ħa €35 biss, iżda kien hemm żball, qal Schembri, li spjega kif il-każ kien preżentat bħala propjetà ex joint office. Tista’ ssir talba biex il-bonds ikunu aġġustati, sostna Schembri, li kompla li l-kwistjoni tista’ tkun irranġata.
Dwar il-bidla fid-direzzjoni tad-deċiżjoni, Schembri qal li r-raġuni kienet minħabba li hu esiġa li trid terġa’ toħroġ offerta u għax l-avukat tal-klijent oġġezzjona għar-reviżjoni
Iman Schembri qal li l-prijorità kienet li jingħalaq il-każ u mhux biex ikun aġevolat il-klijent minħabba li l-każ kien ilu. Dwar il-fatt li dan kien sar 12-il xahar qabel l-elezzjoni ġenerali, Iman Schembri qal li dak kien żmien li fih l-elezzjoni kienet ġejja kważi kuljum u kienet il-klima normali ta’ dak iż-żmien.
Hu xehed li fid-dipartiment kien hemm pressjonijiet enormi b’każi ikkumplikati ħafna. Il-fatt li qabli żewġ Diretturi Ġenerali irriżenjaw f’inqas minn sena diġà kien juri li kien hemm sitwazzjoni li mhix serena. Id-dipartiment kien involut f’madwar 2,000 kawża.
Schembri qal li kien irritat għaliex fil-laqgħa kien hemm diskussjoni dwar ħlas cash ta’ €525,000 iżda l-klijent talab ħlas fuq 10 snin. X’vilta! irrimarka Ivan Schembri, li xehed li kien anki kiteb din ir-rimarka fil-file. Hu kompla li wara diskussjoni ma’ Paul Zahra kien hemm qbil ta’ ħlas fuq ħames snin.
Iman Schembri tkellem dwar l-istima ta’ €2.3 miljun tal-post li saret mill-awdituri u qal li d-dipartiment ma bigħx il-foot-print kollha lill-klijent. Parti mill-art kienet tal-joint-office u parti oħra kienet tal-gvern.
Fuq mistoqsija tas-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, ix-xhud sostna li l-ammont li tħallas hu ferm iktar minn €35 minħabba li kien hemm ftehim tal-mod kif jgħaddu l-flus fejn ikun hemm art tal-Knisja. Mhux korrett li f’dan il-każ jingħad li tħallsu biss €35 għall-art.
Iman Schembri kompla li f’Novembru 2013 hu spiċċa mid-Dipartiment u għalhekk ma jafx jekk ittieħdux passi dwar l-iżball fl-ammont.
Ix-xhud Gaetano Schembri, li hu draftsman mal-Awtorità tal-Artijiet, xehed li hu għamel il-pjanti tal-post. Il-pjanta kienet tirreferi għall-post li kien diġà mibni iżda hu qatt ma mar fuq il-post minħabba li dak iż-żmien ma kinux isiru spezzjonijiet. Is-sistema kienet li l-klijent jibgħat cd bl-informazzjoni tal-postijiet. Illum, minn madwar ħames snin ‘l hawn, isiru l-ispezzjonijiet bir-ritratti u jsiru l-verifiki mal-informazzjoni mibgħuta mal-klijent.
Hu kompla li l-ewwel pjanta tal-post saret fl-2010 u wara saru żewġ reviżjonijiet minħabba li kien hemm żball tekniku. Schembri kompla li l-pjanti mibgħuta mill-klijent kienu jinkludu propjetà li l-klijent kien żgumbrat minnha mill-qorti. Ix-xhud kompla li x-xogħol sar fuq cd diġitali. Fix-xhieda tieghu, Schembri kompla li dan il-każ trattat bħall-każi l-oħra ta’ dak iż-żmien.
//= $special ?>