Lokali

“Sena wara li qalu li se tittieħed azzjoni, s’issa għadu ma sar xejn” – Bieb il-Bombi jibqa’ mhux imħares

Camera tas-sigurtà li suppost tħares Bieb il-Bombi ilha nieqsa 5 snin, bl-arblu għadu qalb il-ħaxix imwaħħal mal-art.

“L-appell tiegħi sena wara baqa’ l-istess, hemm bżonn li Bieb il-Bombi jiġi mħares kif mistħoqq” – James Aaron Ellul

Fi stqarrija l-Kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Floriana qal li wara sena li kien appella biex il-Bieb tal-Bombi jerġa jiġi mħares kif suppost, in-nuqqas għadu hemm. Ellul qal li waħda mill-ewwel impenji tiegħu bħala Kunsillier kienet din il-materja, fejn din il-‘camera’ li tħares Bieb il-Bombi minn wara ilha f’dan l-istat mill-2012 wara inċident tat-traffiku li kien seħħ propju fl-24 t’Ottubru.

Huwa qal li lkoll baqgħu bla risposta, kemm hu u kif ukoll anke l-Kunsill Lokali fejn is-Sovratindenza tal-Patrimonju Kulturali għażlet li ma twieġeb l-ebda korrispondenza li intbgħatet u t-talba biex din il-‘camera’ terġa tibda tiffunzjona waqgħet fuq widnejn torox. Huwa qal li fir-ritratt jidher ċar li l-arblu tal-‘camera’ għadu fuq il-post moħbi qalb il-weraq.

Fl-istess stqarrija huwa qal li s-sena l-oħra wara li qajjem dan kollu, xi aġenziji tal-midja rrapurtaw dan, minħabba f’hekk kienu għamlu kuntatt miegħu nies li qed jieħdu ħsieb dawn ix-xogħlijiet u qalulu li qajjem ‘pandimonju’, u li ma kienx hemm bżonn issir din il-pressjoni kollha. Huwa qal li l-konversazzjoni ntemmet billi qalulu li din il-problema se tissolva f’qasir żmien.

Iżda Ellul fl-istqarrija tiegħu staqsa; “f’qasir żmien huwa aktar minn sena?”

Huwa temm billi qal li Bieb il-Bombi, huwa wirt Furjaniż u fuq kollox wirt Nazzjonali, u ilu mhux imħares kif suppost għal dawn l-aħħar 5 snin. Huwa qal li qed jitlob biss sigurtà mistħoqqha lejn dan il-monument nazzjonali, b’tama li xi darba jisimgħu l-appell tiegħu.

Aqra fuq dak li ġie rrapurtat is-sena l-oħra fuq dan;

 

Bieb il-Bombi fil-Floriana mhux imħares kif mistħoqq