Internazzjonali

Sirjan arrestat dwar ‘kumplott terroristiku’ fil-Ġermanja

Raġel Sirjan ta’ 19 il-sena spiċċa arrestat fil-Ġermanja fuq suspett li kien qed jippjana attakk bi splussivi.

Ir-raġel, identifikat bħala Yamen A, hu suspettat li ‘ħejja, b’mod konkret, attakk li kellu motivazzjoni Iżlamista u li kellu jsir permezz ta’ bomba mill-aktar qawwija’.

Intant, il-pulizija fittxu qalb diversi appartamenti fil-belt ta’ Schwerin, fil-grigal tal-Ġermanja, fejn inżamm ir-raġel Sirjan. It-tfittxija anki inkorporat ir-residenzi ta’ nies oħrajn li mhumiex suspettati dwar sehem dirett fl-allegat kumplott.

Il-Ġermanja ilha fuq stat għoli ta’ allert minn Diċembru tal-2016, meta 12 il-persuna tilfu ħajjithom f’attakk minn terrorista li saq trakk għal fuq in-nies fi Christmas Market, f’Berlin.

Meta tkellmu dwar is-Sirjan arrestat, il-pulizija qalu li hu kien iddeċieda biex ‘jisplodi bomba fil-Ġermanja bil-għan li joqtol u jferi l-massimu tan-nies possibbli’. L-awtoritajiet qablu, fl-istess ħin, li ‘Yamen A’ kien beda jikseb il-prodotti kimiċi u l-materjali neċessarji biex jibni l-bomba partikulari.

Madankollu ma kienx magħruf hekk is-Sirjan kellux xi mira speċifika f’moħħu inkella jekk hu kellux il-konnessjonjiet man-networks u l-organizzazzjonijiet terroristiċi prinċipali.