Futbol Sport

Tom Saintfiet isejjaħ l-iskwadra proviżorja għal kontra l-Estonja

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Tom Saintfiet (Ritratt: Domenic Aquilina)

Il-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Malti Tom Saintfiet sejjaħ skwadra proviżorja ta’ 25 plejer għal partita ta’ ħbiberija li t-tim nazzjonali Malti għandu kontra l-Estonja fit-12 ta’ Novembru.

Għal Saintfiet, dan se jkun id-debutt uffiċjali wara li ħa t-tmexxija tat-tim mingħand Pietro Ghedin aktar kmieni f’Ottubru. Saintfiet żamm ħafna mill-plejers li kienu inklużi fl-aħħar fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, iżda introduċa wkoll xi uċuħ ġodda.

Fost il-plejers ġodda, il-kowċ Belġjan sejjaħ lil Myles Beerman li preżentament jilgħab ma’ Rangers fl-Iskozja, kif ukoll lill-attakkant ta’ Valletta Kyrian Nwoko. Hu mistennija li jingħaqdu mat-tim wara l-partita tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena kontra t-Turkija fl-10 ta’ Novembru fl-Istadium taċ-Ċentinarju.

Beerman li għandu 18-il sena, għamel l-ewwel dehra mat-tim nazzjonali fil-partita ta’ ħbiberija li t-tim Malti għeleb lill-Ukrajna f’Ġunju, iżda għal Nwoko din hi l-ewwel sejħa.

Fl-iskwadra hemm ukoll l-ewwel sejħa tal-midfielder ta’ Ħamrun Triston Caruana, filwaqt li d-difensur Clifford Gatt Baldacchino u l-midfielders Ryan Scicluna u Rowen Muscat irritornaw, b’tal-aħħar ikun imsejjaħ wara li għamel diversi xhur imweġġa’.

L-attakkant ta’ Chiasso Jean Paul Farrugia wkoll mistenni jirritorna wara li tilef l-aħħar żewġ impenji minħabba li kin imweġġa’. Minbarra Farrugia, hemm b’kollox erba’ plejers oħra li jilagħbu barra l-pajjiż.

Fl-aħħar fażi ta’ kwalifikazzjoni, l-Estonja kisbu 11-il punt minn 10 logħbiet. Il-plejers se jingħaqdu mal-iskwadra ta’ Saintfiet it-Tnejn 6 ta’ Novembru. Din se tkun l-aħħar impenn tat-tim nazzjonali għal din is-sena u d-dħul għal din il-logħba hu b’xejn.

Skwadra proviżorja

Gowlkipers: Henry Bonello (Valletta), Andrew Hogg (Hibernians), Steve Sultana (Ħamrun Spartans)

Difensuri: Andrei Agius (Hibernians), Cain Attard (Birkirkara), Steve Borg (Valletta), Ryan Camilleri (Valletta), Clayton Failla (Hibernians), Clifford Gatt Baldacchino (Gżira United), Zach Muscat (Arezzo), Joseph Zerafa (Valletta)

Midfielders: Myles Beerman (Rangers), Triston Caruana (Ħamrun Spartans), Ryan Fenech (Balzan), Paul Fenech (Balzan), Luke Gambin (Luton), Rowen Muscat (Valletta), Steve Pisani (Floriana), Andrè Schembri (Apollon), Ryan Scicluna (Birkirkara)

Attakkanti: Alfred Effiong (Balzan), Jean Paul Farrugia (Chiasso), Lydon Micallef (Ħamrun Spartans), Michael Mifsud (Valletta), Kyrian Nwoko (Valletta)