Il-Formula 1 u l-FIA żvelaw id-dettalji ta’ pjanijiet li għandhom dwar il-magni fl-2021. Il-pjanijiet kienu żvelati f’summit f’Pariġi li fih attendew is-sidien tal-Formula 1 Liberty Media, l-FIA u manifatturi preżenti u potenzjali tal-Formula 1.
Minkejja li l-pjan jinvolvi impenn li jżomm ir-relevanza tal-power unit, hemm intenzjoni li jiżdied il-volum filwaqt li jonqsu l-ispejjeż tal-magni.
Ix-xogħlijiet se jkomplu għal sena oħra fuq id-dettalji tal-magna, bl-FIA tgħid li d-disinn u l-iżvilupp tal-power unit mhux se jkun possibbli sakemm l-informazzjoni kollha tinħareġ fi tmiem l-2018.
L-istqarrija żiedet tgħid li għal kumplament tal-2017 u l-2018, l-FIA u l-F1 se jaħdmu wkoll mat-timijiet biex jistabilixxu t-testijiet tal-power unit u r-restrizzjonijiet tal-iżvilupp kif ukoll miżuri biex jonqsu l-ispejjeż.
Id-Direttur Maniġerjali tal-Formula 1 Ross Brawnd qal li l-power unit tal-2021 hu eżempju tal-futur kif dawk involuti jistgħu jaħdmu flimkien għal ġid tal-isport.
Hu żied jgħid li l-proposti li kienu preżentati huma riżultat ta’ serje ta’ laqgħat li saru matul din is-sena mat-timijiet ta’ bħalissa kif ukoll dawk li urew interess li jidħlu fl-isport.
“Smajna wkoll dak li l-partitarji jaħsbu fuq il-power unit u dak li jixtiequ jaraw fil-futur, li huma sett ta’ regolamenti li jipprovdu xi ħaġa sempliċi, orħos u li tagħmel aktar ħoss.”
Brawn kompla li l-Formula 1 ġdida għandha l-mira li tkun minn ta’ quddiem fir-rigward tat-tekonoloġija biex b’mod sostenibbli jattiraw partitarji ta’ kull età, u saħaq li l-power unit tal-futur se jgħin biex jintlaħaq dan l-għan.
It-timijiet għadhom iridu jikkumentaw.
//= $special ?>