Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said ppreżenta Mozzjoni fil-Parlament biex jinħatar Bord ta’ Inkjesta li jkun jista’ jinvestiga l-allegazzjonijiet li għamlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li nqatlet fis-16 ta’ Ottubru li għadda.
Il-mozzjoni titlob li tiġi investigata u eżaminata l-imġieba ta’ uffiċjali pubbliċi u uffiċjali u impjegati ta’ kull korp imwaqqaf b’liġi, fid-dawl tal-allegazzjonijiet li saru dwarhom fil-kitbiet ta’ Caruana Galizia, li tiġi eżaminata t-tmexxija ta’ kull dipartiment tal-Gvern jew ta’ kull korp imwaqqaf b’liġi – fosthom iżda mhux biss il-Korp tal-Pulizija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-FIAU, kif ukoll li jiġi determinat x’atti ta’ korruzzjoni, abbużi ta’ poter jew reati oħra twettqu minn dawn l-istess persuni fil-qadi ta’ dmirijiethom.
FIl-mozzjoni tiegħu, Chris Said talab li l-Bord ta’ Inkjesta jinħatar skont l-Att dwar l-Inkjesti u jkun kompost minn tliet Imħallfin irtirati li huma magħrufa għall-integrità u l-onestà tagħhom. Il-mozzjoni tinsisti li dawn it-tliet Imħallfin jintgħażlu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlamenti.
Il-mozzjoni tinsisti li l-Bord ta’ Inkjesta jkollu aċċess sħiħ u illimitat għal kull oġġett, dokument, rapport, informazzjoni, evidenza, file, kompjuter, programm jew data miżmuma b’mod elettroniku li jinsabu fil-pussess tal-Gvern u ta’ kull dipartiment tal-Gvern jew ta’ entitajiet bħall-Korp tal-Pulizija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-FIAU.
Il-mozzjoni titlob li r-rapport tal-Bord ta’ Inkjesta jkun ippreżentat lill-Prim Ministru u lill-Ispeaker sa sitt xhur oħra, jiġifieri t-30 ta’ April 2018 – u li r-rapport jiġi ppubblikat minnufih.
//= $special ?>

