Sport Sport Ieħor

Kickboxer Malti jirbaħ titlu Ewropew waqt Gladiators Fight Night 18

Jesred Piscopo dikjarat rebbieħ (Ritratt: Martin Agius)

Il-kickboxer Malti Jesred Piscopo huwa ċ-champion Ewropew fil-kategorija Semi-Pro Lightweight, wara li rebaħ dan it-titlu s-Sibt li għadda waqt it-18-il avveniment tal-Gladiators li għalih attendew mal-1,000 persuna.

It-titlu Ewropew PRO/AM tal-World Kickboxing Network kien ikkontestat fil-Padiljun ta’ Kordin waqt Gladiators Fight Night 18, fejn Piscopo ġġieled għat-titlu kontra l-atleta Taljan Guliano Lai. Il-ġlieda kienet ikkontrollata minn Emil Irimia, li ntbgħat f’Malta mill-WKN apposta għal dan it-titlu.

L-avveniment ta’ Kickboxing u K1 tas-Sibt li għadda kien wieħed mill-ikbar li qatt sar f’Malta, bil-parteċipazzjoni ta’ xejn inqas minn 60 atleta li kienu ġejjin minn għaxar klabbs, kemm lokali kif ukoll minn pajjiżi bħall-Irlanda ta’ Fuq u l-Italja.

L-avveniment, li beda sa mill-4.00pm bil-kompetizzjonijiet tat-tfal, kien mifrux fuq 9 sigħat li matulhom iġġieldu atleti Maltin u barranin fil-kategoriji Amateur u Semi-Pro. L-avveviment intemm bil-ġlidiet professjonali minn Keith ‘Speed’ Azzopardi u Shaun Falzon, li kienu segwiti minn Jesred Piscopo.

Keith Azzopardi rebaħ il-ġlieda tiegħu kontra atleta minn Sardenja, fejn studja l-avversarju fl-ewwel rawnd, għadda għall-attakk fir-rawnds ta’ wara, u baqa’ leali lejn il-laqam ‘speed’. Shaun Falzon tilef il-ġlieda kontra avversarju ieħor iebes minn Sardenja, u għalkemm ħa knock-out fl-ewwel rawnd, baqa’ jiġġieled tul ir-rawnds kollha sal-aħħar.

Gladiators Fight Night 18 kien suċċess sportiv mhux biss għaliex ta l-opportunità lill-atleti Maltin biex jipprattikaw l-isport tagħhom u anki jagħmlu kisbiet f’isem Malta, iżda wkoll għaliex għaqqad flimkien atleti minn pajjiżi differenti u kompla jagħmel ġieħ lill-qasam tal-kickboxing f’pajjiżna.