Lokali

L-aħħar jumejn biex jinġabru l-voti għall-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej

Baqa’ biss l-aħħar ftit siegħat biex il-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jiġbru l-vot tagħhom biex ikunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej, li teleġġi President tal-Kunsill Ġenerali u l-membri tal-Kumitat Eżekuttiv.

Fil-fatt, l-aħħar siegħat biex jinġabru l-voti huma llum l-Erbgħa 1 ta’ Novembru u l-Ħamis 2 ta’ Novembru – fil-jumejn bejn id-09:00 u s-18:00 mid-Dar Ċentrali Tal-Pietà. Il-Ħamis jinġabru wkoll il-voti – fl-istess ħinijiet – mis-Subheadquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat Għawdex.

L-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt se tkun miftuħa l-ġurnata kollha – bejn it-08:00 u d-21:00 fid-Dar Ċentrali, u bejn it-08:00 u s-19:30 f’Ta’ Sannat Għawdex. L-elezzjoni kmieni saret nhar is-Sibt li għadda li fiha vvutaw 302 Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt, il-Kunsillieri se jingħataw tliet voti differenti: biex jagħżlu President tal-Kunsill Ġenerali – bil-kandidati jkunu Kristy Debono u Ċensu Galea, biex jagħżlu 9 nisa għall-Eżekuttiv minn lista ta’ 20 mara, u biex jagħżlu 9 irġiel minn lista ta’ 39 raġel. Il-lista tal-kandidati għall-elezzjoni tal-membri fl-Eżekuttiv tinsab hawnhekk.

Il-Ħadd filgħodu, imbagħad, issir sessjoni oħra tal-Kunsill Ġenerali li tkun indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.