Internazzjonali

L-ATTAKK FI NEW YORK: Ma juri ebda dispjaċir għal dak li għamel

Sayfullo Saipov

Raġel mill-Uzbekistan mhu qed juri ebda dispjaċir għall-qtil ta’ tmien persuni u l-feriment ta’ 11 oħra, tard it-Tlieta filgħaxija, fi New York. Dan hekk kif l-Erbgħa, huwa kien interrogat mill-Pulizija.
Sayfullo Habibullaevic Saipov, ta’ 29 sena mill-Uzbekistan, indarab fl-istonku mill-pulizija wara li saq għal fuq grupp ta’ nies fuq ir-roti ftit passi bogħod minn Ground Zero – il-post fejn kien hemm il-World Trade Centre.
Fost il-vittmi hemm omm Belġjana ta’ żewġt itfal, Ann-Laure Decadt, ta’ 31 sena, kif ukoll ħames irġiel mill-Arġentina li kienu fi New York. Dawn kienu parti minn grupp ta’ disa’ ħbieb li marru New York biex jiċċelebraw it-30 anniversarju minn mindu spiċċaw mill-iskola. Dawn kellhom età bejn it-48 u d-49 sena.
Andrew Cuomo, il-Gvernatur ta’ New York, qal li Saipov sar militant Iżlamiku waqt li kien fl-Istati Uniti. Il-President Amerikan Donald Trump, b’reazzjoni għall-attakk qal li kien hemm bżonn jiżdied il-vetting ta’ dawk li jkunu qed jemigraw lejn l-Istati Uniti.
F’messaġġ fuq Twitter, Trump qal ukoll li jrid isir dak kollu possibbli biex ikun assigurat li wara li l-ISIS kien megħlub fil-Lvant Nofsani, dan il-grupp ma jerġax jgħolli rasu.
Dan kien l-ewwel attakk terroristiku fatali fi New York minn mindu seħħew l-attakki tal-11 ta’ Settembru fl-2001.
Irriżulta li Saipov kien emigra legalment lejn l-Istati Uniti fl-2010 u tul dawn l-aħħar snin għex f’Ohio, fi Florida u fi New Jersey.
Sorsi Amerikani qalu li l-uniku inkwiet li kellu mal-Pulizija Amerikana fil-passat kien minħabba ċitazzjoni tat-traffiku.