Lokali

“L-industrija Maltija b’nuqqas ta’ ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa” – BEI

L-'EIB Investment Survey' isib fatturi inkwetanti fuq ċerti setturi fl-industrija Maltija

Malta hija l-iktar pajjiż Ewropew, b’total ta’ 83% tal-kumpaniji Maltin, b’ilmenti fuq nuqqas ta’ ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa fl-industrija. Dan huwa l-akbar ostaklu fl-investimenti fit-tul li jsibu dawn il-kumpaniji. Huma lmentaw ukoll fuq in-nuqqas kbir t’investiment pubbliku fit-trasport u għandu jkun prijorità notevoli għall-Gvern. Dan ifisser li l-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku mhux jitgawdew mill-ħaddiema Maltin peress li dawn l-opportunitajiet qed jassorbuhom ħaddiema barranin imħarrġa.

Dawn il-punti u ohrajn ħarġu f’konferenza li kienet organizzata f’Malta mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ċentrali ta’ Malta fil-Belt Valletta li ddiskutiet x-xejriet kurrenti fl-investiment fi stati membri differenti fl-Unjoni Ewropea, partikolarment f’pajjiżna.

L-istħarriġ tal-Bank Ewropew tal-Investiment juri ukoll kif il-produttività tal-kumpaniji hija iktar baxxa mil-livelli normali tal-UE. Ħareġ kif għall-futur għall-ekonomija Maltija huma meħtieġa investiment akbar fil-ħiliet u fl-innovazzjoni, inkluż l-adozzjoni tal-innovazzjonijiet.

Madwar 6% tal-kumpaniji huma “ristretti fl-iffinanzjar”, rata kemmxejn taħt il-medja tal-UE. L-istħarriġ wera kif kumpaniji fis-settur tas-servizzi jistennew li l-investiment fl-2017 ser ikun iktar baxx minn dak fl-2016.

Mill-banda l-oħra, 84% tal-kumpaniji investew fl-aħħar sena finanzjarja, liema rata taqbel mal-medja tal-Unjoni Ewropea,  u l-intensità fl-investiment tagħhom żdiedet ukoll.

Fl-ispettru wiesa’ Ewropew, l-istudji tal-Bank żvelaw fost l-oħrajn il-bżonn t’ investment ikbar fl-innovazzjoni u fil-kapital intanġibbli u l-iffukar mill-ġdid lejn pjan fit-tul tal-prijoritajiet pubbliċi lejn investiment fl-infrastruttura.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Viċi-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Dario Scannapieco, li elenka l-impatt pożittiv tal-attività tal-BEI fuq l-ekonomija Maltija, partikolarment b’firxa wiesa’ ta’ proġetti fil-qasam telekomunikattiv, edukattiv u mediku fost l-oħrajn.