Wara żewġ partiti mill-isbaħ ġimagħtejn ilu, jerġgħu jispikkaw il-konfronti bejn Napoli u Manchester City kif ukoll Tottenham u Real Madrid, biż-żewġ timijiet favoriti din id-darba se jilagħbu barra minn darhom.
Liverpool jistgħu jagħmlu pass importanti li jikkwalifikaw b’konfront f’Anfield kontra t-tim tal-qiegħ Maribor. Liverpool ġejjin minn rebħa kbira fuq l-istess tim fl-aħħar logħba minn dan il-grupp. Iż-żewġ timijiet l-oħra fil-grupp se jkunu qed jippruvaw jiksbu rebħa biex ikollhom vantaġġ. Bħalissa Spartak Moscow jinsabu b’ħames punti daqs Liverpool, wieħed aktar minn Sevilla u għalhekk f’każ ta’ rebħa għar-Russi u Liverpool ma jfallux, Sevilla jkollhom missjoni diffiċli biex jgħaddu.
Minn Grupp F, Manchester City se jkollhom iċ-ċans li jaċċertaw mill-kwalifikazzjoni. Iżda l-avversarji tagħhom se jerġgħu jkunu Napoli, it-tim li fl-aħħar logħba bejniethom kien viċin li jirkupra żvantaġġ ta’ żewġ gowls.
Il-logħba bejn iż-żewġ timijiet mistennija terġa’ tkun missielta, b’Napoli jittamaw li l-appoġġ tal-partitarji jgħinhom biex jiksbu riżultat pożittiv li jħallihom jittamaw li jistgħu jgħaddu, hekk kif bħalissa jinsabu tliet punti taħt Shaktar Donetsk. It-tim mill-Ukrajna jilgħab fil-grawnd tiegħu kontra Feyenoord, l-uniku tim fil-grupp li sa issa għadu bla punt.
Besiktas għandhom iċ-ċans li jikkonfermaw li kienu s-sorpriża f’dan il-grupp b’konfront kontra Monaco. It-Torok rebħu l-ewwel tliet logħbiet tagħhom u fi grupp fejn hemm Porto u Monaco, jistgħu jissorprendu b’erba’ rebħiet minn erbgħa u kwalifikazzjoni. Monaco għandhom iċ-ċans li jibdew ipattu d-diżappunt tal-ewwel tliet logħbiet li fihom kisbu biss punt.
Leipzig u Porto se jkunu qed jissieltu biex jersqu lejn il-kwalifikazzjoni, speċjalment jekk Monaco ma joħorġux rebbieħa, bl-akbar pressjoni hi fuq Porto minħabba li f’dawn l-aħħar snin kienu rinomati li jaslu sal-aħħar 16 tal-kompetizzjoni.
Wara d-draw fis-Santiago Bernabeu, Tottenham u Real Madrid mistennija jerġgħu jissieltu din id-darba f’Wembley Stadium. Iż-żewġ timijiet għandhom sitt punti vantaġġ fuq Borussia Dortmund u APOEL u għalhekk jekk xi ħadd joħroġ rebbieħ mill-grupp, ikun qed jersaq viċin il-kwalifikazzjoni.
Borussia Dortmund iridu xejn għajr minn rebħa f’dan il-konfront jekk iridu jibqgħu b’ċans li jikkwalifikaw.
Logħob għal-lum
Grupp E
Liverpool v Maribor 8.45pm
Sevilla v S. Moscow 8.45pm
Grupp F
Napoli v Man City 8.45pm
S. Donetsk v Feyenoord 8.45pm
Grupp G
Besiktas v Monaco 8.45pm
Leipzig v Porto 8.45pm
Grupp H
B. Dortmund v APOEL 8.45pm
Tottenham H. v R. Madrid 8.45pm
//= $special ?>