Sport Sport Ieħor

Rafael Nadal se jtemm is-sena bħala s-sid numru wieħed fid-dinja

Rafael Nadal rebaħ fit-tieni rawnd tal-Masters ta' Pariġi (Ritratt: EPA)

Rafael Nadal assigura li se jtemm is-sena fil-quċċata tar-rankings ATP wara li rebaħ il-logħba tal-ftuħ fil-Masters ta’ Pariġi lbieraħ. Nadal għeleb lil Hyeon Chung tal-Korea ta’ Isfel 7-5, 6-3 fit-tieni rawnd.

Is-16-il darba champion ta’ Grand Slam hu l-akbar plejer li se jispiċċa s-sena fl-ewwel post fl-età ta’ 31 sena, wara li fil-passat kien għamel dan fl-2008, fl-2010 u fl-2013. “Ninsab kuntent ħafna, ħafna għal kollox. Kienet sena brillanti. Sena ilu qatt ma ħlomt li nkun is-sid numru wieħed għal darba oħra fi tmiem staġun. Hi xi ħaġa li tfisser ħafna għalija, imma l-istaġun għadu ma spiċċax,” qal Nadal.

L-Ispanjol li għadu qatt ma rebaħ it-tournament, kien break minn taħt fl-ewwel set qabel ma żied ir-ritmu u rebaħ erba’ logħbiet konsekuttivi.  Chung li jinsab jokkupa n-numru 55 fid-dinja, kellu sena pożittiva u se jilgħab il-finali tan-Next-Gen f’Milan aktar tard din is-sena. Minkejja li kien għamel l-iskor 5-5, Nadal għalaq is-set meta rebaħ iż-żewġ logħbiet ta’ wara.

Nadal għamel il-break deċiżiv fit-tmien logħba tat-tieni set, u għalaq il-logħba bir-rebħ tas-set 6-3. L-Ispanjol imissu jilgħab kontra Pablo Cuevas fl-aħħar 16, wara li l-Urugwajan għeleb lil Albert Ramos-Vinolas 6-7, 7-6, 6-2.

Tags