Futbol Sport

Tottenham u Manchester City jikkwalifikaw mal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League

Dele Alli skorja doppjetta fir-rebħa ta' Tottenham (Ritratt: EPA)

Wirja brillanti għenet lil Tottenham jegħlbu lil Real Madrid 3-1 f’Wembley Stadium biex mhux talli jinsabu waħedhom fil-quċċata iżda kkwalifikaw. Doppjetta ta’ DELE ALLi fis-27 u fis-56 minuta tat vantaġġ doppju lit-tim ta’ Pochettino, b’CHRISTIAN ERIKSEN jagħmilhom tlieta fil-65 minuta. CRISTIANO RONALDO skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għal Real Madrid għaxar minuti mit-tmiem.

Manchester City ukoll assiguraw posthom minn post mal-aħħar 16 wara li għelbu lil Napoli 4-2 fi Stadio San Paolo f’logħba sabiħa. Kienu Napoli li marru minn fuq fil-21 minuta minn LORENZO INSIGNE, iżda NICOLAS OTAMENDI ġab id-draw fl-34 minuta.

Id-difensur l-ieħor JOHN STONES poġġa lil City minn fuq fit-48 minuta, b’JORGINHO jġib id-draw minn penalty fit-62 minuta. Madankollu seba’ minuti wara City skorjaw il-gowl tar-rebħa b’kontrattakk veloċi li minnu SERGIO AGUERO għeleb lil Reina biex sar ukoll l-aqwa skorer ta’ kull żmien ta’ Manchester City. RAHEEM STERLING għalaq il-logħba bir-raba’ gowl fit-92 minuta.

Minn dan ir-riżultat gawdew Shaktar Donetsk li bir-rebħa ta’ 3-1 fuq Feyenoord jinsabu eqreb li jikkwalifikaw. Kienu l-Olandiżi li marru minn fuq fit-12-il minuta permezz ta’ NICOLAI JORGENSEN, iżda Shaktar wieġbu u sa ħames minuti wara kienu minn fuq permezz ta’ FACUNDO FERREYRA u MARLOS. L-istess MARLOS għalaq il-logħba fit-68 minuta.

Liverpool u Sevilla kisbu rebħiet importanti f’darhom biex jinsabu fl-ewwel żewġ postijiet ta’ Grupp E. Liverpool għelbu lil Maribor 3-0 b’gowls minn MOHAMED SALAH fid-49 minuta u Emre Can fl-64 minuta. DANIEL STURRIDGE skorja t-tielet gowl fid-90 minuta.

Sevilla wkoll rebħu 2-1 kontra Spartak Moscow. CLEMENT LENGLET fetaħ l-iskor man-nofs siegħa logħob, b’EVER BANEGA jirdoppja mas-siegħa logħob. Spartak Moscow naqsu d-distakk fit-78 minuta minn ZE LUIS.

Besiktas komplew jersqu lejn il-kwalifikazzjoni meta spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Monaco. Kienu l-Franċiżi li fetħu l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsma minn RONY LOPES, iżd Besiktas ġabu d-draw fl-54 minuta minn penalty ta’ CENK TOSUN.

Rebħa importanti ta’ Porto li għelbu lil Leipzig 3-1 biex qabżu lit-tim Ġermaniż fit-tieni post. HECTOR HERRERA fetaħ l-iskor wara kwarta, iżda TIMO WERNER ġab id-draw fil-bidu tat-tieni taqsima. Kien DANILO PEREIRA li poġġa lil Porto fil-vantaġġ fit-62 minuta, biex MAXIMILIANO PEREIRA għalaq il-logħba fid-90 minuta.

Borussia Dortmund huma f’xifer eliminazzjoni wara li spiċċaw 1-1 kontra APOEL. RAPHAEL GUERREIRO poġġa lit-tim Ġermaniż minn fuq fid-29 minuta, iżda MICKAEL POTE ġab id-draw fil-51 minuta.

Riżultati

Grupp E

Liverpool v Maribor                         3-0

Sevilla v S. Moscow                          2-1

Grupp F

Napoli v Man City                             2-4

S. Donetsk v Feyenoord                   3-1

Grupp G

Besiktas v Monaco                            1-1

Porto v Leipzig                                  3-1

Grupp H

B. Dortmund v APOEL                    1-1

Tottenham H. v R. Madrid             3-1