Kultura Lokali

‘Trick or Treat’ liebsin ta’ qaddisin

Tfal Xlukkajri wieġbu bi ħġarhom għas-sejħa tal-Parroċċa Madonna ta' Pompei

It-Tlieta 31 t’Ottubru, apparti li tiġi ċċelebrata Halloween, jaħbat ukoll lejlet il-festa tal-qaddisin kollha. Peress li din iċ-ċelebrazzjoni qabdet sew qalb it-tfal u ż-żgħażagħ Maltin, il-Parroċċa tal-Madonna ta’ Pompei stiednet lit-tfal tal-Parroċċa biex meta jiċċelebraw il-ferħ ta’ din il-festa, jagħtu xhieda tal-Fidi Nisranija.

Għalhekk, it-toroq Xlukkajri esperjenzaw xena mhux tas-soltu, ‘il-bogħod mis-sopranaturalità li naraw f’bosta toroq Malta f’dan il-lejl. Il-Kappillan tal-Parroċċa, il-Kan. Luke Seguna, kellem lill-ġenituri Xlukkajri bl-idea li t-tfal joħorġu jagħmlu trick or treat liebsin ta’ qaddisin u anġli flok ta’ xjaten u sħaħar u dawn aċċettaw li jikkooperaw f’din l-inzjattiva ġdida.  Evidenti kienet it-tbissima fuq xufftejn it-tfal li ħadu pjaċir flimkien jaqsmu bejniethom il-ħelu li ngħatawlhom mix-Xlukkajri.

Hekk kif hija ġurnata ta’ vaganza għat-tfal, l-Erbgħa filgħodu l-Kappillan Seguna qaddes quddiesa apposta fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompei animata għal dawk li ħadu sehem fit-Trick or Treat fl-okkażjoni tas-Solennità tal-Qaddisin kollha. Waqt l-offerti, it-tfal, li marru liebsin l-istess kostumi, minn jeddhom offrew il-ħelu żejjed li qalgħu l-lejl ta’ qabel lit-tfal inqas xxurtjati minnhom.