“Tlajt tarġa tarġa fil-Partit Nazzjonalista u għalhekk, f’pass naturali, qiegħed umilment nippreżenta ruħi biex nitla’ tarġa oħra u se nikkontesta għall-kariga għal Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament.” Kliem id-Deputat u l-Whip tal-Oppożizzjonii u li se jkun qed jikkontesta għal Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament.
David Agius ħadem fi ħdan diversi organi u strutturi tal-Partit Nazzjonalista sa mill-1981. Beda l-ewwel passi tiegħu fil-politika fil-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista u wara bħala ġurnalist fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ Radio 101. Kien membru fis-Solidarjetà Ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-2001 David Agius ingħata l-fiduċja bħala rappreżentant tan-nies bħala kunsillier fil-lokalità ta’ Ħ’Attard. Kien biss sentejn wara li huwa kkandida ruħu għall-ewwel darba fl-elezzjonijiet ġenerali u kien elett bħala deputat fuq is-seba’ distrett. Matul dik il-leġiżlatura nħatar bħala Chairperson tal-Kumitat tal-Abbozzi fil-Parlament.
Fl-elezzjoni tal-2008 David Agius kien elett bħala Deputat mill-11- distrett u kien fdat bil-kariga ta’ Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern fi żmien turbulenti għall-Partit Nazzjonalista fil-Parlament.
Mal-bidla fil-Gvern fl-2013, wara li kien elett għat-tielet darba, David Agius kien ikkonfermat bħala l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u nħatar bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali, Żgħażagħ u Sport.
Fl-aħħar elezzjoni, David Agius kien elett minn żewġ distretti – mill-ħdax u mit-tmien distrett elettorali. Għat-tielet leġiżlatura konsekuttiva kien reġa’ fdat bil-kariga ta’ Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u nħatar bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Soċjetà Ċivili, id-Drittijiet tal-Konsumatur, Żgħażagħ u Sport.
David Agius qal li wara ħidma ta’ ħmistax-il sena fil-Parlament, għaxar snin minnhom bħala Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, huwa lest li juża l-esperjenza kollha li kiseb biex il-ħidma Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista tkun waħda soda u effettiva biex il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista jkun il-vuċi tal-poplu fil-Parlament.
David Agius fakkar li matul il-ħidma tiegħu sa mill-2001 fi ħdan il-PN, huwa dejjem ħadem mill-qrib mal-kapijiet tal-Partit Nazzjonalista. Bl-istess mod, jekk jikseb il-fiduċja bħala Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament, huwa lest li jkun ta’ spalla għall-Kap Adrian Delia biex l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tkun waħda magħquda fi żmien meta pajjiżna jinħtieġ iktar minn qatt qabel Oppożizzjoni b’saħħitha quddiem Gvern li herra l-pilastri tad-demokrazija.
//= $special ?>