Atletika Sport

Wayde van Niekerk sitt xhur barra

Wayde van Niekerk se jitlef il-Logħob tal-Commonwealth

Wayde van Niekerk hu mistenni li jdum barra mill-azzjoni għal sitt xhur wara li ċarrat il-meniscus tal-irkoppa f’logħba tag rugby fl-Afrika ta’ Isfel. Iċ-champion Olimpiku tal-400 metru b’hekk se jitlef il-Logħob tal-Commonwealth f’April li ġej fil-Gold Coast fl-Awstralja.

Van Niekerk li kien qed jippjana li jikkompeti fil-100 metru u l-200 metru, minbarra l-problemi fil-meniscus, ċarrat ukoll il-ligament ta’ wara tal-cruciate.

“Kont qed inħares b’ħerqa biex nikkompeti fiż-żewġ avvenimenti fil-Gold Coast, kif ukoll nipparteċipa fil-Kampjonati Nazzjonali f’Marzu, u għalhekk hu żmien sfortunat,” qal van Niekerk li se jagħmel l-operazzjoni f’Colorado aktar kmieni din il-ġimgħa.

Hu qal li dan hu sport u għalhekk affarijiet li jiġru. L-atleta saħaq li hu jemmen fit-tim li għandu madwaru, fosthom il-professjonisti mediċi, li jagħmlu l-proċess mingħajr problemi kemm jista’ jkun. Van Niekerk qal li għandu fiduċja li jerġa’ jtellaq aktar tard is-sena d-dieħla, u sostna li jirkupra 100% hu kruċjali. Hu kompla jgħid li jrid ikun paċenzjuż u jrid jaħdem iebes biex jirritorna kemm jista’ jkun malajr.

L-atleta ta’ 25 sena li kiser ir-rekord dinji tal-400 metru f’Rio, rebaħ ukoll id-deheb fl-400 metru u l-fidda fil-200 metru fil-Kampjonati tad-Dinja f’Londra s-sena l-oħra, u kien qed jimmira li jtejjeb fuq il-fidda li rebaħ fil-Logħob tal-Commonwealth fi Glasgow fl-2014.