“Ma nistgħux inħallu li l-qattiela ta’ Daphne jilħqu l-intenzjoni tagħhom li tieqaf l-inkjesta fuq il-korruzzjoni fil-livelli l-iktar għolja tas-soċjetà Maltija.”
Jgħidu dan tmien diretturi ta’ kmamar tal-aħbarijiet internazzjonali u ewlenin f’ittra fejn talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fl-ittra lill-President tal-Kummissjoni, Frans Timmermans, id-Diretturi jitolbu biex il-Kummissjoni Ewropea tindaga fuq l-indipendenza tal-mezzi ta’ komunikazzjoni f’Malta. Jgħidu wkoll li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jixhed kemm il-korrotti u dawk fil-poter huma beżgħana li jinkixfu.
Ifakkru wkoll kif fi studju tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-pluraliżmu tal-midja fl-2016, instab li l-partiti politiċi f’Malta għandhom wisq pussess tal-midja u li pajjiżna jinsab ‘l isfel fil-lista’ ta’ pajjiżi b’awtonomija editorjali.
L-istess edituri jitolbu wkoll lill-Kummissjoni biex timpenja lill-Gvern Malti li jidħol f’diskussjoni urġenti biex jiggarantixxi li jkunu osservati l-obbligi tal-membri Ewropej li jkun hemm sostenn għal-legalità u l-garanzija tal-libertà tal-istampa u l-espressjoni f’pajjiżna.
L-ittra ġiet iffirmata mid-Diretturi Katharine Viner ta’ The Guardian, Wolfgang Krach ta’ Süddeutsche Zeitung, Dean Baquet ta’ The New York Times, Lionel Barber ta’ The Financial Times, James Hardin tal-BBC, Mario Calabresi ta’ La Repubblica, Antonio Cano ta’ El Pais u Jerome Fenoglio ta’ Le Monde.
//= $special ?>