Internazzjonali

Is-CIA kienet investigat jekk Hitler ħarabx lejn il-Kolombja

Skont dokumenti sigrieti tas-CIA u li l-aċċess tagħhom issa nfetaħ għall-pubbliku, jirriżulta li s-servizz sigriet Amerikan kien investiga jekk Adolf Hitler kienx ħarab lejn il-Kolombja.
Jidher li dan kien jikkonċerna raġel li fis-snin Ħamsin fil-Kolombja kien qed isostni li kien Hitler. Dan ir-raġel kien jgħix f’komunita ta’ eks-Nazisti f’Tunja fil-Kolombja. Id-dokumenti juru li għalkemm is-CIA ma tantx ħadet il-każ bis-serjetà, xorta ħasset li tinvestiga speċjalment wara li rċeviet ritratt tar-raġel li kien jixbah ħafna lil Hitler.
L-informazzjoni kien mar biha Phillip Citroen, eksmembru tal-SS, fl-1954.
Fid-dokumenti ntqal li skont Citroen, il-Ġermaniżi li kienu jgħixu f’Tunja kienu jaduraw lil dan ir-raġel u kienu jagħtuh is-salut Nażista kull darba li jiltaqgħu miegħu apparti li jindirizzawh bħala “l-Fuhrer”, it-titlu li kellu Hitler.
Is-CIA ddeċidiet li tara x’kien qed jiġri fl-1955, wara li daħlilha rapport ieħor, din id-darba minn persuna identifikata biss bħala Cimelody-3 dwar dan ir-raġel li kien identifikat bħala Adolf Schuttlemayer.
Iżda meta s-CIA ddeċidiet li tinvestiga, hu laħaq kien ħarab lejn l-Arġentina. Iżda s-CIA xorta kienet xettika ħafna tar-rapport ta’ Citroen u ngħatat ir-rakkomandazzjoni li l-każ jitwaqqa’.
Il-każ tqanqal issa wara investigazzjoni ta’ ġurnalist Kolombjan.
Skont Cimelody, hu sar jaf bil-każ minn ħabib ta’ Citroen, li issa kien qed jgħix fil-Veneżwela. Intqal li Citroen kien f’kuntatt ma’ “Hitler” darba fix-xahar meta kien imur il-Kolombja bħala impjegat tal-KNSM Royal Dutch Shipping Company.
Wara li tkellmu ma’ Cimelody, aġenti ddeċidew li jiktbu rapport formali lill-uffiċjali għolja tas-CIA bħala “każ ta’ interess possibbli”. Imma mar-rapport kien hemm ukoll nota li fuq każ simili kienu se jintefqu ħafna flus b’possibbiltà remota li jinkiseb xi ħaġa u għalhekk uffiċjali rakkomandaw li l-każ jitwaqqa’.
Eluf ta’ Nażisti hu mifhum li ħarbu lejn l-Amerika Latina fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fosthom Josef Mengele, it-tabib ta’ Auschwitz u Adolf Eichmann, li kellu l-idea tal-Olokawst u li mbagħad spiċċa nqabad mill-Iżraeljani.
Għalkemm Hitler qatel lilu nnifsu fil-bunker tiegħu f’Berlin, hemm ħafna teoriji li jindikaw li hu għex u ħarab lejn l-Amerika Latina bl-aktar teorija li tingħata kredibbiltà tgħid li kien mar l-Arġentina.