Raġel ta’ 71 sena weġġa’ gravi wara li aktar kmieni dalgħodu kien involut f’inċident tat-traffiku.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Mannarinu, Birkirkara.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fil-post, fejn irriżulta li kien seħħ impatt bejn vettura tat-tip Toyota Tercel misjuqa minn raġel ta’ 71 sena residenti Santa Venera u vann tat-tip Isuzu li kien qiegħed jiġi misjuq minn ġuvni ta’ 23 sena residenti Ħal Tarxien.
Fil-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 71 sena l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>