Tmien Ministri Katalani nżammu taħt arrest fuq direttiva ta’ Imħallef tal-Qorti Għolja Spanjola. Dan b’konnessjoni mal-ispinta tar-reġjun tal-Katalonja għal indipendenza mill-kumplament ta’ Spanja.
Il-Prosekuturi kienu talbu lill-Imħallef biex iżomm tmienja fost id-disa’ eksmembri tal-Gvern Katalan ( illum xolt) li marru f’Madrid biex jispjegaw is-sehem tagħhom fil-kampanja għall-indipendenza. It-tmienja huma akkużati dwar rewwixta, l-inċitament tal-pubbliku u l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi.
Intant, il-Prosekutur tal-Istat talab mandat ta’ arrest fuq bażi Ewropew għall-Kap Katalan imkeċċi, Carles Puigdemont. It-talba tkopri wkoll lil erba’ Ministri Katalani oħra li tkeċċew mill-Gvern tal-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, u li ma preżentawx ruħhom quddiem il-qorti f’Madrid,
Puigdemont baqa’ ma deherx f’Madrid biex jixhed dwar il-parti tiegħu fid-dikjarazzjoni tal-indipendenza għar-reġjun Katalan u meta l-proċess tal-qorti mistenni jikkonkludi għada.
Sadanittant, Paul Bekaert, l-avukat ta’ Carles Puigdemont, qal li l-klijent tiegħu beħsiebu jibqa’ l-Belġju fejn ilu għal dawn l-aħħar jiem.
‘Il-klima, f’dan il-każ, ( biex Puigdemont imur lura Spanja) mhix waħda tajba’, qal Bekaert, li, iżda, tenna wkoll li ‘Carles Puigdemont lest li jikkoopera mal-ġustizzja fi Spanja u l-Belġju f’każ li hu jiġi mitlub’.
Għaldaqstant, l-indikazzjonijiet huma li l-UE qed tiddependi fuq Spanja ‘biex issolvi hi’ il-kriżi kostituzzjonali.
L-iżviluppi huma l-aħħar wara li, fl-1 ta’ Ottubru, kien sar ir-referendum għall-indipendenza tal-Katalonja li l-Pulizija Spanjola ma rnexxilhiex twaqqaf u li, jiem wara, kienet segwita bid-dikjarazzjoni għall-indipendenza Katalana mill-eksParlament ta’ Puigdemont. Wara d-dikjarazzjoni, il-Gvern tal-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, ħa l-passi immedjati biex jimponi amministrazzjoni diretta fuq ir-reġjun tal-Katalonja.
//= $special ?>

