Internazzjonali

L-ATTAKK TA’ NEW YORK: Attakki terroristiċi reċenti bit-trakkijiet

17 u 18 ta’ Awwissu 2017: Barċellona u Cambrils, SPANJA – 14-il persuna jinqatlu meta vann jinstaq għal fuq folla f’Barċellona. Hekk kif kienet qed issir it-tfittxija għas-sewwieq, ħames persuni oħra nqatlu, li rriżulta li kienu terroristi, wara li saqu għal fuq in-nies.

12 ta’ Awwissu 2017: Charlottesville, L-ISTATI UNITI – Raġel kien arrestat wara li saq għal fuq folla dimostranti u qatel persuna waħda u darab 19 oħra. Il-każ kien b’rabta ma’ polemika interna Amerikana.

9 ta’ Awwissu 2017: Pariġi, FRANZA – Raġel isuq għal fuq suldat Franċiż f’subborg ta’ Pariġi. Fl-attakk, sitt suldati ndarbu u raġel ta’ nisel Alġerin kien arrestat.

19 ta’Ġunju 2017: Londra, IR-RENJU UNIT – Persuna tinqatel u 11 jindarbu wara li vann jinstaq għal fuq folla ħierġa minn moskea fiz-zona ta’ Finsbury.

3 ta’ Ġunju 2017: Londra, IR-RENJU UNIT – Tmien persuni nqatlu u 48 indarbu wara li vann instaq għal fuq in-nies tul il-London Bridge u mbagħad xi rġiel ħarġu mill-vettura u ħebbew għan-nies bis-skieken. Il-Pulizija mbagħad qatlet tlieta mit-terroristi.

18 ta’ Mejju 2017: New York, L-ISTATI UNITI – Persuna nqatlet u 22 indarbu wara li karozza nstaqet għal fuq in-nies f’Times Square. Is-sewwieq kien arrestat wara li ħebb għall-pulizija.

7 ta’ April 2017: Stokkolma, L-IŻVEZJA: Raġel mill-Uzbekistan kien arrestat wara li saq trakk għal fuq folla tul triq ewlenija fil-kapitali Żvediża. Fl-attakk indarbu wkoll 22 persuna.

22 ta’ Marzu 2017: Londra, IR-RENJU UNIT – Raġel isuq vann tul in-nies li kienu fuq Westminster Bridge, u mbagħad saq għal fuq il-kanċell madwar il-Parlament, fejn qatel pulizija. B’kollox, erba’ persuni nqatlu u 40 indarbu.

8 ta’ Jannar 2017: Ġerusalemm, IŻRAEL. Erba’ persuni nqatlu u 17 indarbu wara li raġel Palestinjan saq trakk għal fuq grupp ta’ suldati Iżraeljani f’zona popolari mat-turisti. Il-Prim Ministru Iżraeljan qal li r-raġel kien partitarju tal-ISIS.

19 ta’ Diċembru 2016: Berlin, IL-ĠERMANJA – Raġel Tuneżin isuq trakk fuq folla li kienet qed tattendi għal suq tal-Milied f’Berlin, u sakemm inqabad kien hemm tfittxija madwar l-Ewropa.

28 ta’ Novembru 2016: Ohio, L-ISTATI UNITI – 11-il persuna ndarbu wara li student ta’ nisel Somalu saq għal fuq in-nies fil-campus tal-Università ta’ Ohio, u wara ħebb għalihom b’sikkina sakemm inqatel mill-pulizija.

14 ta’ Lulju 2016: Nizza, FRANZA – 88 persuna nqatlu u 200 indarbu wara li raġel ta’ nisel Tuneżin saq għal fuq folla li kienet qed tara l-logħob tan-nar marbut mal-Jum Nazzjonali Franċiż.